Il-Ministru Attard Jattendi Għall-Kunsill Tal-Ministri Tal-Ġustizzja Tal-Unjoni Ewropea
“Biex inkomplu nippermettu rispons ġudizzjarju aktar effettiv għall-ġlieda kontra l-impunità għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u reati kontra l-umanità fl-Ukrajna, jeħtieġ li niżguraw li tibqa’ l-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea u internazzjonali bejn il-korpi rilevanti kollha. Dan huwa ż-żmien biex nikkollaboraw u nikkoordinaw l-azzjonijiet tagħna. Għaldaqstant, il-miżuri ta’ koordinazzjoni huma kruċjali.”
Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt li kien qiegħed jindirizza għall-ewwel darba l-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġewwa l-Lussemburgu. Waqt dan il-Kunsill ġew diskussi diversi suġġetti tal-ogħla prijorità fuq l-aġenda Ewropea.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Attard esprima l-appoġġ ta’ Malta għad-Direttiva li ssaħħaħ il-protezzjoni ambjentali minn aspett kriminali. Malta appoġġjat ukoll l-addozzjoni ta’ sensiela ta’ Konkluzjonijiet dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Il-Ministru Attard tkellem ukoll dwar il-protezzjoni tad-data personali li għandha tingħata meta tali data tkun trasferita fuq livell trans-Atlantiku.
Ritratti: MFJ