Il-Ministru Għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela Jipparteċipa F’Konferenza Mtella’ Mill-UNECE F’Ruma
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela pparteċipa f’Konferenza Ministerjali li saret f’Ruma mtella’ mill-UNECE (United Nations Economic Commission for Europe – il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti).
Waqt din il-konferenza dwar l-anzjanità ġiet diskussa l-integrazzjoni sistematika ta’ diversi suġġetti marbuta mal-anzjanità attiva fil-politika ta’ kull gvern.
Intqal li dan għandu jsir b’mod nazzjonali u anke reġjonali.
Il-Ministru Jo Etienne Abela ta spjegazzjoni tal-kisbiet u l-iżviluppi innovattivi li diġà saru fil-qasam tal-anzjanità attiva f’Malta u f’Għawdex.
Wiegħed illi l-Gvern Malti kommess li jibqa’ jinvesti f’aktar riċerka, titjib, u l-introduzzjoni ta’ aktar servizzi li jiggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-anzjani kollha.
Semma wkoll li Malta qiegħda saħansitra tagħti prijorità lir-‘raba’ età’—din hija dik il-faxxa ta’ persuni li ma jistgħux joħorġu mid-dar jew li jgħixu f’faċilitajiet fit-tul u għalhekk ma jistgħux jilħqu ċ-ċentri tal-anzjanità attiva.
“Persuni anzjani imma iżgħar fl-età li huma iżjed fraġli, kif ukoll anzjani akbar sew fl-età bi sfidi ta’ mobilità, wkoll għandhom bżonn li jipparteċipaw f’attivitajiet. Il-ministeru tagħna huwa kommess li jkabbar dawn l-opportunitajiet għal dawk li jaqgħu f’din il-faxxa hekk imsejħa r-‘raba’ età’ kemm fir-residenzi u anke bl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għal dawk li huma f’darhom”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Ritratt: MFAA