Jitnieda Programm Nazzjonali Ta’ Screening Għal Abdominal Aortic Aneurysms

 Jitnieda Programm Nazzjonali Ta’ Screening Għal Abdominal Aortic Aneurysms

Il-Kura tas-Saħħa Primarja se tibda toffri servizz ġdid ta’ screening għal abdominal aortic aneurysms (AAA).

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif il-moniteraġġ tal-AAA hija importanti peress li pazjent li għandu din il-kundizzjoni ma jesperjenzax sintomi qabel il-kundizzjoni tipprogressa sal-punt tal-attakk.

Fil-fatt, 75% tal-pazjenti li jesperjenzaw dan l-attakk jitilfu ħajjithom.

Għaldaqstant, permezz ta’ dan l-iscreening, li se jkun offrut lill-irġiel ta’ ’l fuq minn 65 sena, il-pazjent jingħata l-opportunità li jsir konxju li għandu din il-kundizzjoni u jsiru l-interventi preventivi meħtieġa.

Dan is-servizz se jibda jingħata fil-berġa tal-Ħamrun, u eventwalment f’ċentri oħra madwar Malta u Għawdex.

Il-Ministru Fearne spjega kif irġiel li jagħlqu l-65 sena se jirċievu stedina d-dar sabiex imorru fiċ-ċentri tas-saħħa indikati għal dan l-ultrasound scan, li jsir darba.

Min-naħa tiegħ, il-Konsulent għall-Kirurġija Vaskular, il-Professur Kevin Cassar, spjega kif l-AAA hija ħafna iżjed komuni fl-irġiel u li r-riskju ta’ din il-kundizzjoni jiżdied bl-età avvanzata, bit-tipjip u jekk diġà hemm każijiet fil-familja.

Huwa kkalkulat li dan is-servizz jista’ jsalva bejn ħames u għaxar ħajjiet fis-sena.

Il-Professur Cassar saħaq fuq l-importanza li n-nies jirrikorru għal dan is-servizz.

Ritratti: ODPM-MFH/DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com