L-Estensjoni Tar-Regoli Tal-Maġġoranza Kwalifikata Fid-Deċiżjonijiet Tal-Unjoni Ewropea Se Jibbenefikaw Minnhom Biss Stati Membri Ewropej Akbar

 L-Estensjoni Tar-Regoli Tal-Maġġoranza Kwalifikata Fid-Deċiżjonijiet Tal-Unjoni Ewropea Se Jibbenefikaw Minnhom Biss Stati Membri Ewropej Akbar

L-eks Prim Ministru u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fi ħdan il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratikiċi (S&D) Alfred Sant ivvota kontra riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li sejħet għal Konvenzjoni li tirrevedi t-Trattati eżistenti tal-Unjoni Ewropea. Huwa saħaq li f’dan l-istadju l-Ewropa għandha tkompli tiżviluppa bħala Ewropa tan-nazzjonijiet fl-aħjar sens tat-tradizzjoni Gaullista.

Il-MPE Laburista tkellem kontra l-estensjoni tar-regoli tal-maġġoranza kwalifikata li qed tiġi proposta għall-aġenda tal-Konvenzjoni minflok l-unanimità dwar regoli kruċjali tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dawn iwittu t-triq għal bidliet federali fuq firxa wiesgħa ta’ kif topera l-Unjoni Ewropea inkluż fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ difiża u sigurtà. Sant saħaq li approċċi bħal dawn se jkabbru biss l-interessi u l-fehmiet tal-Istati Membri l-kbar għad-detriment ta’ l-Istati Membri iżgħar.

Wara l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa f’Mejju 2022, ġiet preparata riżoluzzjoni dwar is-sejħa għal Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati għal votazzjoni plenarja bħala segwitu. L-għan ewlieni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew huwa li tipproponi bidliet istituzzjonali. Din tressaq diversi proposti bħall-għoti ta’ aktar setgħa lill-Unjoni Ewropea biex tirriforma l-proċeduri tal-votazzjoni, tipprovdi lill-Parlament Ewropew bi drittijiet sħaħ ta’ kodeċiżjoni dwar il-baġit Ewropew u tintroduċi dispożizzjonijiet li jippermettu t-titjib tal-politiki ta’ sigurtà u difiża komuni.

Sant saħaq li irrispettivament minn kemm huma mportanti l-membri tal-Konferenza dwar il-futur tal-Ewropa, dawn m’għandhomx il-leġittimità demokratika li tiġġustifika li tittieħed azzjoni fuq il-proposti tagħhom. “Il-proċeduri tal-għażla u tax-xogħol tagħhom kienu organizzati fuq linji li fir-realtà kienu magħżula minnhom stess u predeterminati, possibbilment kriterji elitisti”, huwa saħaq.

Waqt li rrefera għall-esperjenza tiegħu stess, bħala eks-membru tal-Konvenzjoni tal-2002 dwar il-Kostituzzjoni Ewropea, li ddeskriva bħala fjask sħiħ, Sant sostna li riforma ta’ trattat permezz ta’ Konvenzjoni hija idea ħażina.

Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 355 vot favur, 154 kontra u 48 astensjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com