Malta Tospita L-Konferenza Tal-Kummissjoni Ewropea Għall-Effiċjenza Tal-Ġustizzja (CEPEJ) Fi Ħdan Il-Kunsill Tal-Ewropa

 Malta Tospita L-Konferenza Tal-Kummissjoni Ewropea Għall-Effiċjenza Tal-Ġustizzja (CEPEJ) Fi Ħdan Il-Kunsill Tal-Ewropa

Illum ġiet fi tmiemha l-konferenza tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, magħrufa bħala CEPEJ, li qed titella’ f’Malta fl-okkażjoni tal-20 sena mit-twaqqif tal-istess Kummissjoni, bit-tema ‘Celebrating 20 years of CEPEJ: Furthering Quality and efficiency of a digitalised justice’.

Tul dawn il-jumejn, numru ta’ ministri barranin, ġudikanti, esperti u ġuristi internazzjonali ltaqgħu f’Malta sabiex jiddiskutu numru ta’ temi ewlenin, fosthom l-effiċjenza tal-qrati u l-isfidi li qed jiffaċċjaw rigward id-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq kif taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, il-gvern diġà għamel diversi riformi sabiex tiġi indirizzata l-effiċjenza tal-ġustizzja, u se jkomplu jsiru oħrajn importanti bħal dawk fil-proċess tal-kumpilazzjoni u rinviji.

Il-Ministru Attard sostna li, “Sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-sistema nazzjonali tal-ġustizzja tagħna, il-gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti u jiffaċilita t-tranżizzjoni għal ambjent ta’ ġustizzja aktar diġitalizzat. Dan qed isir permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Ġustizzja Diġitali.”

Il-President ta’ CEPEJ Ramin Garagurbanli, f’isem il-Kummissjoni, esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-awtoritajiet Maltin talli ospitaw il-konferenza f’Malta. Huwa kompla billi stqarr li, “Grazzi għall-impenji u l-isforzi tal-membri, l-esperti u l-osservaturi kollha, l-għarfien espert tas-CEPEJ f’dan il-qasam kiseb rispett mifrux mhux biss mal-istituzzjonijiet, iżda wkoll madwar id-dinja kollha”.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Imħallef Francesco Depasquale, Viċi President tal-istess Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ). Fl-okkażjoni tal-20 sena anniversarju, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ppreżenta pittura mħejjija mill-artist Rubert Cefai bħala memento lill-President ta’ CEPEJ Ramin Garagurbanli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com