Investiment Ta’ €13.5 Miljun Għar-Riġenerazzjoni Ta’ Dar Omm Sidna Fl-Imsida

 Investiment Ta’ €13.5 Miljun Għar-Riġenerazzjoni Ta’ Dar Omm Sidna Fl-Imsida

B’investiment ta’ €13.5 miljun Dar Omm Sidna fl-Imsida se tiġi riġenerata sabiex takkomoda fiha kważi d-doppju tar-residenti li tiflaħ, filwaqt li toffri numru estensiv ta’ servizzi fi ħdanha. Dan il-proġett tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn ġie spjegat li b’dan l-investiment, li jinkludi l-ispejjeż relatati ma’ kostruzzjoni u investiment f’tagħmir speċjalizzat, qed jiġi varat kunċett ġdid ta’ Dar Residenzjali tal-Gvern għall-Kura fit-Tul għall-Anzjani.

Il-Ministru Abela spjega li Dar Omm Sidna nbniet fl-1991 u minn dakinhar din il-binja qatt ma sarilha rinnovar estensiv. Għaldaqstant inħass il-bżonn li jsir dan il-proġett li ser jibdel din id-dar f’waħda residenzjali bl-aqwa standards ta’ saħħa u kura.

 Fl-istat oriġinali tagħha Dar Omm Sidna takkomoda 64 resident, madankollu b’dan ir-rinnovar issa ser ikun qed jinħoloq spazju biex jiġu akkomodati 114-il resident. Id-disinji l-ġodda għal din id-dar jaqsmu l-binja f’sitt sulari.

 Minn 114-il sodda għar-residenti, 10 ser ikunu qed jitpoġġew f’sezzjoni speċjalizzata għar-residenti prospettivi bil-kundizzjoni tad-dimensja filwaqt li 44 sodda oħra se jkunu dedikati għar-residenti b’dipendenza għolja. Il-binja rinovata ser tkun qed tinkludi wkoll kamra tal-ikel spazjuża u żoni ta’ attivitajiet oħra, ġonna, uffiċċji, swali tal-konferenzi u parkeġġ taħt l-art. Dan kollu b’konformità mal-Istandards Regolatorji Soċjali għall-Kura Residenzjali għall-Anzjani kif maħruġa mill-Awtorità tal-Istandards tal-Kura Soċjali f’Awissu 2021.

 Ġie spjegat ukoll li s-servizzi li se jingħataw f’din id-dar se jkunu numerużi. Apparti servizz ta’ infermiera u servizz ta’ kura 24 siegħa kuljum, se jiġi offruti servizzi ta’ Dietitian, Tissue Viability, Nutrizzjoni Klinika, Fiżjoterapija, Occupational Therapy, Speech and Language, Podjatrija, kura residenzjali għad-dimensja, servizzi ta’ Ġerjatra u GP, Psikoterapija, servizzi ta’ parrukkiera u sbuħija flimkien ma’ servizz pastorali. Se jiġu pprovduti wkoll servizzi li jippromwovu l-anzjanità attiva, servizzi ta’ sigurtà u akkoljenza, ikliet, tindif u ħasil tal-ħwejjeġ.

 Dwar l-andament ta’ dan il-proġett, il-Ministru Abela spjega li din id-dar residenzjali huwa ppjanat li tibda topera fit-tieni kwart tal-2025. Huwa spjega wkoll li fit-tieni ġimgħa ta’ Ġunju beda x-xogħol ta’ twaqqigħ tad-dar preżenti, b’din il-fażi tal-proġett mistennija tkun lesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

 Il-Ministru Jo Etienne Abela temm billi awgura li “din id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern biex din id-dar terġa’ tinbena mill-ġdid tħalli l-frott mixtieq biex l-anzjani f’pajjiżna jkomplu jgħixu fid-dinjità li tixirqilhom.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com