“Żviluppi Pożittivi Fuq L-Eliminazzjoni Tat-Tariffi Żejda Mill-Kumpaniji Tat-Telekomunikazzjoni” – Il-MPE Alex Agius Saliba

 “Żviluppi Pożittivi Fuq L-Eliminazzjoni Tat-Tariffi Żejda Mill-Kumpaniji Tat-Telekomunikazzjoni” – Il-MPE Alex Agius Saliba

“Wara aktar minn xahar ta’ ħidma kemm fuq livell lokali iżda anke fuq livell Ewropew, fl-aħħar sigħat bdew jidhru l-ewwel riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra l-eliminazzjoni tat-tariffi żejda fuq il-konsumaturi Maltin mill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni.” Qal dan il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba.

Dr Agius Saliba sostna li huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-kumpaniji GO u EPIC ser ikunu qed jeliminaw it-tariffi żejda li bdew jimponu sa mill-bidu ta’ Lulju 2022 fuq konsumaturi li jagħżlu li ma jħallsux il-kontijiet tagħhom permezz ta’ –direct debit, sakemm titlesta l-investigazzjoni li qed issir mid-Direttur tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Il-kumpanija GO se tkun qiegħda wkoll trodd lura lill-pubbliku ż-żieda li imponiet matul dan l-aħħar xahar.

Fil-kummenti tiegħu, il-MPE Agius Saliba sostna li l-kumpanija tat-telekomunikazzjoni MELITA għandha ssegwi dawn l-istess passi, titratta lill-klijenti tagħha b’dinjita’ u tneħħi t-tariffi żejda li qed timponi fuqhom.

“Dan tal-lum huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba sabiex naraw li d-drittijiet tal-konsumaturi tagħna jkunu mħarsa kif inhu xieraq. Se nibqa’ naħdem anke fuq livell Ewropew sabiex nassigura li fl-ebda ħin, u l-ebda kumpanija jew individwu ma jabbużaw minn dawn id-drittijiet għall-vantaġġ tagħhom”, tenna Agius Saliba.

Il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew qal li se jkun qed ikompli jaħdem id f’idi mal-Ministru għad-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fuq dan il-każ sabiex ħadd ma jkompli jinsteraq.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com