Jibdew Jieħdu L-Forma L-Flyovers Ta’ Ħdejn L-Ajruport
Infrastructure Malta, matul il-lejl li għadda, tellgħet f’postha l-ewwel struttura tal-azzar minn sebgħa li se jiffurmaw il-gverta tal-flyover il-ġdida tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, li ser toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Din il-flyover se tkun twila 400 metru u magħmula minn seba’ biċċiet tal-azzar li jiżnu 300 tunnellata.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, u l-Kap Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta Ivan Falzon, li segwew ukoll ix-xogħolijiet bil-lejl.
Il-Ministru Farrugia stqarr li dan il-proġett b’investiment ta’ €18-il miljun se jidħol f’fażi intensiva fejn ħafna mix-xogħolijiet se jkunu qed isiru bil-lejl. Dan il-proġett se joffri konnessjonijiet aktar faċli u siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi, kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja li se tinkludi mina ġdida lejn Birżebbuġa, kif ukoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ ivvjaġġar. Dan il-proġett se jtejjeb l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
“B’dan il-proġett ambizzjuż qed naraw li mhux biss inkomplu nsaħħu l-konettività madwar pajjiżna iżda anke ntejbu s-sigurtà fit-toroq, ntaffu t-traffiku u nnaqsu l-ħin tal-ivjaġġar. Dan il-proġett huwa ħolqa oħra minn katina ta’ proġetti li qed isiru madwar il-pajjiż biex pajjiżna ikollu infrastruttura li tilqa għas-seklu 21 u l-mudell ekonomiku tal-Gvern tal-ġurnata,” qal il-Ministru Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li qiegħed isir investiment ta’ €25.6 miljun, li minnhom €21.9 miljun huma fondi Ewropej ġejjin mill-fond Connecting Europe Facility, f’żewġ proġetti: dak tal-Luqa Junction u Kirkop Tunnels and Airport Intersection. Is-Segretarju Parlamentari Bonett irrimarka li xhieda tal-importanza ta’ dan il-proġett il-Kummissjoni Ewropea allokat aktar fondi lill-Infrastructure Malta sabiex dawn jitwettqu.
“Bħala gvern qegħdin inkomplu nbiddlu wiċċ Malta u noffru infrastruttura u aċċessibilità aħjar lill-poplu malti, fosthom lir-residenti tal-Gudja, Ħal Luqa u Birżebbuġa u l-madwar li l-ħin tal-ivvjaġġar se jonqos sa 74% f’kull direzzjoni minn din ir-rotta,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.
It-tqegħid tal-kumplament tal-istrutturi tal-azzar tal-flyover se jkompli fil-ġranet li ġejjin. Wara li tingħaqad il-gverta kollha, Infrastructure Malta tibda tlesti l-aħħar xogħlijiet meħtieġa biex tifforma l-flyover, fejn huwa ppjanat li din tkun tista’ tinfetaħ għall-użu mill-pubbliku lejn l-aħħar tas-sena.
Il-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon stqarr li dan huwa proġett ieħor imexxi minn Infrastructure Malta biex ikomplu jsaħħu n-network tat-toroq. “Nixtieq nirringrazzja lill-pubbliku tal-koperazzjoni f’dawn ix-xhur ta’ ħidma. Ser nagħmlu l-almu tagħna biex nagħlqu dan il-proġett kemm jista’ jkun malajr mingħajr inkonvenjent żejjed.”