Mijiet Jibdew Jattendu ‘Festa Palazz’ Fil-Palazz Verdala

 Mijiet Jibdew Jattendu ‘Festa Palazz’ Fil-Palazz Verdala

Mijiet ta’ persuni laqgħu l-istedina tal-Uffiċċju tal-President u qed jattendu ‘Festa Palazz’ fil-Palazz Verdala b’risq The Malta Community Chest Fund.

Il-President George Vella u martu, is-Sinjura Miriam Vella, żaru l-Palazz u l-ġonna madwaru ftit wara li nfetħu l-bibien kmieni s-Sibt waranofsinhar. Il-Palazz Verdala se jibqa’ miftuħ sal-lejla fl-10pm u għada jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku mill-10am sas-6pm. Mad-dħul qed tintalab donazzjoni ta’ €5 għal MCCF waqt li tfal taħt is-sitt snin b’xejn.

Minbarra żjara fil-Palazz Verdala nnifsu, fil-ġonna u ż-żoni madwaru hemm ħafna attivitajiet fosthom korsi bl-ostakli mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Armata, logħob u eżerċizzju fiżiku minn SportMalta, artiġjanat, diversi baned li qed joħolqu atmosfera ta’ festa, ikel mill-kċina tal-Palazz filwaqt li s-Sibt filgħaxija mis-sitta ‘l quddiem u l-Ħadd waranofsinhar se jkun hemm divertiment minn diversi kantanti u mużiċisti lokali. Il-Ħadd filgħodu se jkun hemm għana tradizzjonali u wirja mis-sezzjoni tal-klieb tal-Pulizija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com