Jitħabbar Il-Programm tal-Milied Fil-Belt Valletta

 Jitħabbar Il-Programm tal-Milied Fil-Belt Valletta

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, ħabbar programm varjat ta’ attivitajiet tal-Milied li se jittella’ fil-Belt Valletta mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2022 bl-isem ta’ ‘Christmas in the Capital’, b’25 avveniment f’25 jum.

Il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva dan il-programm bħala opportunità għall-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna matul il-perjodu tal-Milied.

“Il-Belt Kapitali tagħna, għalkemm fiżikament waħda mill-iżgħar bliet kapitali fl-Ewropa, hija l-post perfett għal ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura fil-ġeneri diversi tagħha u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti,” qal Dr Bonnici, waqt li saħaq li l-Gvern hu kommess li jkompli jkabbar l-attivitajiet kulturali fil-Belt Kapitali u fid-diversi postijiet f’pajjiżna.

Iċ-Chairperson Jason Micallef tenna kif dan il-Milied se jilqgħu lill-familji lura fil-Belt Valletta b’attivitajiet u attrazzjonijiet fuq medda ta’ xahar. Huwa stieden lil kulħadd biex jieħu nota tal-avvenimenti fuq il-programm fosthom baned fit-toroq u street walkers, korijiet u kunċerti mużikali minn numru ta’ gruppi popolari li jinkludu The New Victorians, MARA, Centrestage, Klinsmann, Tikka Banda, Big Friends Guggen Musik u Sterjotipi, fost oħrajn. Jason Micallef qal ukoll li għall-ewwel darba minn wara l-pandemija, l-avveniment tal-aħħar tas-sena se jkun qiegħed jerġa’ jsir fi Pjazza San Ġorġ.

Id-dwal u s-siġar tal-Milied fil-postijiet ewlenin fil-Belt Valletta ser jinxtegħlu fil-25 ta’ Novembru meta ser jiġi inawgurat ukoll presepju artistiku tal-Milied biswit id-daħla tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Il-proġezzjonijiet spettakolari tant mistennija fi Pjazza San Ġorġ ser jibdew fis-7 ta’ Diċembru. Ser tindaqq ukoll mużika tal-Milied fi Triq ir-Repubblika matul il-perjodu kollu.

Opening Doors, Amber, Sean Borg u Veronique Vella, Jackson’s Żaqq u Tanbur Folk Group, Franklin, Dancel Dance Studio u workshop immexxi minn Sarah Galea u Caroline Curmi fejn it-tfal jistgħu jibnu l-pupazzi, huma wkoll fost l-avvenimenti tal-programm Christmas in the Capital.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena jagħlqu l-programm bil-kbir, bi spettaklu mill-aqwa ta’ mużika b’diversi mistiedna speċjali. Iżjed dettalji se jkunu qed jingħataw fil-jiem li ġejjin.

Wieħed jista’ jżur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com