“Ħudu gost kemm tridu imma wara naddfu warajkom” – Attivist tal-ambjent

 “Ħudu gost kemm tridu imma wara naddfu warajkom” – Attivist tal-ambjent

Għandu jkun hemm infurzar strett kontra min iħammeġ l-ambjent, inkluż li b’mod obbligatorju jagħti servizz fil-komunità.

Dan kien kliem Mark Galea Pace, attivist li jaħdem b’mod volontarju favur ambjent aħjar billi ta’ spiss jimpenja ruħu f’kampanji ta’ tindif tal-Iskart.

Ma’ STRADA RJALI, Mark Galea Pace jispjega dak li qed isib f’Pembroke fejn qed jitħalla ammont kbir ta’ skart.

“Ta’ spiss inżur il-parks sbieħ ta’ Pembroke, prattikament kuljum, biex nieħu mixja l-klieb tiegħi u ħafna drabi biex inaddaf. Sfortunatament, nara b’għajnejja jsir vandaliżmu kbir fuq is-siġar, fuq il-bankijiet, fuq il-ħitan tas-sejjieħ u rajt anke ħuġġieġa taħt siġar li jkollhom ħafna żmien.”

Isostni li ħafna minn dan isir fit-tard matul il-ġurnata.

“L-iktar u l-agħar reati ambjenti jsiru filgħaxijiet fejn gruppi ta’ żgħażagħ iħallu bottijiet tal-birra, fliexken tal-inbid u tal-vodka, fdalijiet tat-take away u ħafna iżjed f’dawn l-inħawi sbieħ li għandna Malta.”

Jgħidilna kif meta jara hekk imur ikellem lil min ikun qed jagħmel xi ħaġa ħażina.

“Ġieli nieħu l-inizjattiva u nitkellem magħhom, u ngħidilhom li nieħu gost li jagħmlu użu minn barra biex jieħdu gost… wara kollox, jien kont nagħmel bħalhom meta kelli l-età tagħhom. PERÒ, ħudu gost kemm tridu, kemm tifilħu iżda wara naddfu u armu l-iskart tagħkom. Uru mqar daqxejn ta’ rispett. Xi wħud jisimgħu u japprezzaw dan l-appell… u ftit ma jagħtu kas ta’ xejn.”

Taħseb li f’Malta għandu jsir iżjed infurzar fejn jidħol l-ambjent?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com