Żewġ persuni fil-periklu tal-mewt wara ħabta f’Ħal Far

Żewġt irġiel jinsabu fil-periklu tal-mewt wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Ħal Far.
L-inċident seħħ fi Triq Ħal Far ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vann tal-għamla Isuzu D-Max, misjuq minn raġel ta’ 51 sena li joqgħod Ħaż-Żebbuġ u karozza tal-għamla Peugeot 308, misjuqa minn Pakistan ta’ 33 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Fil-Peugeot, kien hemm erba’ passiġġieri ta’ nazzjonalità Bulgara: tliet irġiel u mara, li l-età tagħhom tvarja bejn 23 u 50 sena.
Fuq il-post issejjħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu. Il-persuni kollha involuti fl-inċident ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, il-Pakistan u Bulgaru ta’ 50 sena ġew iċċertifikati li weġġgħu serjament filwaqt li l-kumplament ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qed imexxi l-inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.