Malta u t-Tuneżija qablu li hemm lok għall-kollaborazzjoni fl-oqsma tal-ġerjatrija, id-dimensja u l-farmaċija

 Malta u t-Tuneżija qablu li hemm lok għall-kollaborazzjoni fl-oqsma tal-ġerjatrija, id-dimensja u l-farmaċija

Kollaborazzjoni fl-oqsma tal-ġerjatrija, id-dimensja u l-farmaċija mat-Tuneżija ġiet diskussa waqt żjara li l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela għamel fl-ibliet ta’ Tunis u Monastir. Huwa ltaqa’ mal-Ministru Tuneżin għas-Saħħa Pubblika, Dr Ali Mrabet. Matul din iż-żjara ż-żewġ ministri qablu li l-karatteristiċi Mediterranji taż-żewġ pajjiżi ġirien huma ideali biex jaħdmu flimkien.

Il-Ministru Abela spjega l-qafas għal pjan ta’ kollaborazzjoni fuq żewġ temi – l-industrija farmaċewtika u l-anzjanità. L-Awtorità Maltija tal-Mediċini (MMA) lesta taħdem mal-Aġenzija Nazzjonali Tuneżina tal-Mediċini li għadha kif twaqqfet.  Bl-esperjenza vasta u r-reputazzjoni tajba tal-Awtorità Maltija kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet tista’ twassal biex jinfetħu swieq ġodda fil-kontinent Afrikan għall-kumpaniji Maltin u dawk Tuneżini li jaħdmu fis-settur farmaċewtiku.  Barra minn hekk, l-Awtorità Maltija tista’ tgħin studenti Tuneżini jkomplu jispeċjalizzaw fil-qasam farmaċewtiku fil-livell ta’ Dottorat u post-Dottorali.

 

Il-Ministru Abela spjega kif il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva qed jieħu inizjattivi innovattivi sabiex aktar żgħażagħ ifittxu karriera fil-qasam tal-ħarsien u l-kura tal-anzjani.  Dan diġà qed jitwettaq permezz tal-programmi interġenerazzjonali. Barra minn hekk infetħu aktar opportunitajiet biex tobba jkomplu jispeċjalizzaw f’oqsma tal-ġerjatrija.

 

Id-diskussjoni ma naqsitx li tiffoka wkoll fuq persuni bid-dimensja. Il-Ministri qablu li l-proporzjoni ta’ nies fiż-żewġ pajjiżi li jbatu bid-dimensja huwa simili ħafna. Il-Ministru Abela stqarr li, kif ġie kkonfermat ukoll mill-WHO, Malta hi avvanzata ħafna fis-servizzi li toffri lill-persuni bid-dimensja, fosthom b’direttorat ġdid iffukat fuq dan il-qasam li fost l-oħra joffri sapport 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, lill-persuni li jsofru minn din il-kundizzjoni.

 

Il-Ministri qablu li għandha tkompli l-ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi f’diversi oqsma, fosthom: kollaborazzjoni fil-qasam tal-industrija farmaċewtika; ix-xjenza regolatorja fil-mediċini; it-taħriġ u l-edukazzjoni farmaċewtika u medika; il-ħolqien ta’ speċjalizzazzjonijiet fil-qasam tal-ġerjatrija; kif ukoll is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet taż-żewġ pajjiżi li jispeċjalizzaw fil-qasam tal-ġerjatrija.

 

Il-Ministru Abela stieden lill-Ministru Ali Mrabet biex iżur Malta u jara l-faċilitajiet li Malta toffri lill-anzjani, kif ukoll jara mill-qrib il-ħidma li twettaq l-Awtorità Maltija tal-Mediċini.

 

Bil-għan li dan il-pjan jibda jimmatura kemm jista’ jkun malajr, il-Ministru Abela kellu żjarat ta’ kortesija mal-Gvernatur tar-Regjun ta’ Monastir is-Sur Mondher Ben Sik Ali, id-Dekan u membri tal-Fakultà tal-Farmaċija tal-Università ta’ Monastir u stabbiliment farmaċewtiku tal-Unimed, liema kumpanija ser tagħmel użu mis-servizzi tal-MMA u bi ħsiebha tagħmel investiment sod f’Malta.

 

Il-Ministru Jo Etienne Abela kien akkumpanjat fost l-oħrajn mill-Ambaxxatur ta’ Malta għat-Tuneżija Simon Pullicino, u mill-Kap tal-Awtorità Maltija għall-Mediċina l-Prof Anthony Serracino Inglott.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com