Inti tħallih lill-partner jara il-mobile chats tiegħek?
Il-midja soċjali, tat vuċi u anki derha lil kull min jagħmel użu minnha. Ħolqot opportunitajiet fejn wieħed jista’ jirriklama l-prodotti u s-servizzi li joffri. Barra minn dan, wieħed jista’ juża l-midja soċjali sabiex juri l-qagħda tiegħu: kemm finanzjarja u anki dik emozzjonali. Però, tajjeb li nsemmu li l-midja soċjali ħolqot ukoll pressjoni u inċertezza fuq ir-relazzjonijiet. Ejja nkunu onesti, il-midja soċjali tagħmilha eħfef biex tittanta jew saħansitra tgħabbi lil dak li jkun. Barra minn hekk, ħafna relazzjonijiet jisfaxxaw għax il-komunikazzjoni ma’ nies oħra saret faċli immens. Fil-fatt, xi wħud jieħdu d-deċiżjoni li joħolqu profil wieħed magħmul minn żewġ persuni sabiex ħadd ma jittantahom.
Madankollu, immaġinak li inti persuna li l-mobile ma tantx tħobbu u għalhekk matul il-ġurnata lanqas tant tagħti kasu. Ħejjejt serata sabiex inti u l-maħbub/a tiegħek issegwu film. F’daqqa waħda tara lill-maħbub/a tiegħek bil-mobile u bit-tbissima minn tarf sa tarf jikteb jew tikteb lil xi ħadd. Tiġik kuriżità biex tara min? Issa immaġina li l-istorja hija differenti u inti tiġi mitlub/a mill-maħbub/a tiegħek biex jarawlek il-mobile. Tkun komdu jew komda biex tagħti l-mobile?
Għal ħafna, il-password li biha jinfetaħ il-mobile, għandha tibqa’ mistura (daqslikieku xi sigriet li ntqal waqt qrara) u għalhekk, hemm min jiddeċiedi li ma jgħidx il-password tiegħu. Taqbel li l-password hija xi ħaġa privata u għalhekk mhux suppost tkun tafha? Jew f’kuntest ta’ relazzjoni, iż-żewġ persuni għandhom ikunu jafu l-passwords ta’ xulxin?
Iktbulna l-opinjoni tagħkom fil-kummenti tal-midja soċjali tagħna