Pjanti u fjuri perikolużi għat-tfal

 Pjanti u fjuri perikolużi għat-tfal

Illum saret moda li żżejjen id-dar b’diversi pjanti u fjuri sabiex toħloq dik ir-riħa friska u nadifa. Madankollu, jekk fid-dar tiegħek ikun hemm it-tfal, dawn kapaċi jkunu ta’ periklu għalihom.

  1. In-Narċis

L-isem xjentifiku ta’ din il-fjura huwa Narcissus. Fil-mitoloġija Griega, Narcissus kien tfajjel magħruf għas-sbuħija tiegħu u jingħad li hu kien jitpaxxa jħares lejn ir-rifless tiegħu fl-ilma. Madankollu, tant kemm kien ikun mitluf iħares lejh innifsu li lanqas biss baqa’ jiekol u jixrob.

Fi Franza, din il-fjura kienet tintuża sabiex biha jagħmlu s-sapun u l-fwejjaħ kif ukoll għal xi prodotti tad-dar. Madankollu, din il-fjura jaf tkun perikoluża, speċjalment jekk it-tfal jibilgħu xi parti minnha.

  1. Aloe Vera

Illum il-ġurnata l-meraq ta’ din il-pjanta għandu benefiċċji kbar, l-iktar għax-xagħar u għall-ġisem. Fil-fatt, uħud jgħidu li Cleopatra kienet tuża l-meraq ta’ din il-pjanta sabiex ġisimha jibqa’ jidher sabiħ. Għal dan iż-żmien tas-sajf, l-iktar wara xi xemxata, hawn min jemmen li jekk iddellek il-meraq ta’ din il-pjanta ser tnaqqas il-ħruq u tħoss ġismek frisk. Madankollu, għalkemm din il-pjanta għandha ħafna benefiċċji, din jaf tkun ta’ periklu għat-tfal jekk imissu magħha.

  1. Il-Ġjaċint

Skont il-mitoloġija Griega, Hyacinthus kien prinċep li tant kemm kien sabiħ, li Apollo, l-Alla tax-xemx, kien ħa grazzja miegħu. Madankollu, Hyacinthus miet waqt li kienu qed jilagħbu logħba. Wara dan, Apollo ħoloq din il-fjura magħmula minnu sabiex b’xi mod, jibqa’ jgħix.

Ħafna nies jiddekoraw b’din il-pjanta peress li għandha kuluri sbieħ u kapaċi tfewwaħ immens.

Għalkemm din hija pjanta sabiħa ħafna, tista’ tikkawża ħsara fi tfal żgħar speċjalment, jekk wieħed jibla’ parti mill-fjuri tagħha.

  1. L-Oleander

Din il-fjura tissimbolizza l-kumplikazzjonijiet fejn jidħlu l-imħabba u r-relazzjonijiet. Il-pjanta u l-fjura huma tossiċi immens, anki għall-adulti aħseb u ara għat-tfal. Kull parti ta’ din il-pjanta hija tossika u għalhekk, ikun aħjar jekk ma tkabbarha imkien.

  1. L-Iris

Din il-fjura hija sabiħa immens, tant li xi kultant tingħata bħala rigal ukoll. Dan l-isem ifisser qawsalla u din l-Alla Griega tiġi assoċjata l-aktar mal-kunċett ta’ mewt.  Fil-fatt, in-nisa li kienu jmutu, kienu jħallulhom din il-fjura ħdejhom sabiex din l-Alla tiggwidahom għall-ħajja ta’ dejjem.

Jingħad li l-kura tagħha hija waħda sempliċi u tpaxxi l-għajnejn. Fil-fatt, din hija popolari ħafna fid-djar. Madankollu, oqgħod attent għaliex din tista’ tkun ta’ periklu għat-tfal.

 

Dawn huma uħud mill-pjanti u fjuri li kapaċi jkunu tossiċi. B’hekk, qabel ma tkabbar pjanta jew fjura fid-dar tiegħek, ara li din se tkun ta’ ġid għal kull min jidħol f’darek.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com