Ta’ min hija l-akbar festa?

 Ta’ min hija l-akbar festa?

Il-festi tagħna qed joqorbu lejn it-tmiem tagħhom u hekk kif aħna kollha stajna nieħdu gost b’dak kollu li joffru l-festi Maltin, ħafna jkunu dawk li jibdew jagħmlu l-paraguni bejn festa u oħra.

Ta’ min hija l-akbar festa? Min għandu l-akbar marċ? Min għandu l-isbaħ armar? Min għandu l-aktar nar? Insomma dawn il-mistoqsijiet jibqgħu jsiru sena wara sena u wisq probabbli qatt ma se jkollna risposta ċara li taqta’ sentenza.

Kif tkejjel festa kbira? Festa kbira jrid ikollha kull element ta’ dak li jagħmel festa Maltija bħal nar, armar, briju, purċissjoni u funzjonijiet tal-knisja segwita. Wisq probabbli u mingħajr ma nidħlu f’polemika, iż-Żurrieq għandu l-akbar żewġ festi fil-pajjiż għax dawk l-elementi kollha li semmejna qegħdin hemm bil-kbir. Qed nirreferu għall-festi ta’ Santa Katarina u l-Madonna tal-Karmnu. Wara ż-Żurrieq insibu l-festi li jiġu ċċelebrati ġo Ħal Qormi dawk ta’ San Ġorġ u San Bastjan, Żebbuġ dik ta’ San Filep, il-Birgu ta’ San Lawrenz u dawk tar-Rabat Għawdex.  Dawn huma festi li ma jonqosom xejn u d-dilettanti jmorru bi ħġarhom biex jammiraw dak kollu li jagħmel festa Maltija, festi li jagħmluhom popolari.

Imbagħad hemm dawk il-festi li jispikkaw fuq l-oħrajn għal ċertu elementi. Ngħidu aħna bħal Santa Marija tal-Imqabba u Ħal Lija għal-logħob tan-nar, il-Ħamrun u Żabbar għall-marċi kbar li jagħmlu jew il-Mosta għall-ammont kbir ta’ nies li jkun hemm f’jum il-festa.

Il-festi Maltin huma sbieħ għax huma festi ta’ kultura u tradizzjoni u għalkemm f’dan l-artiklu semmejna xi festi, żgur hemm festi oħrajn li jispikkaw u kull festa fija dik ix-xi ħaġa sabiħa. Ejja nibżgħu u ngħozzu l-festi tagħna, għax dawn huma teżor ħaj tagħna l-Maltin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com