Int wara Paceville kont tmur il-Golden 7 jew xi post ieħor?’

 Int wara Paceville kont tmur il-Golden 7 jew xi post ieħor?’

Tlaqna l-Golden 7! Min jaf kemm-il darba wara lejl niddevertu ġo Paceville fi snin 80 u 90 morna nieħdu l-famuż hotdog tal-Golden 7. Ngħid il-verità kien mument li kont nistenna kważi kważi iktar minn lejl ġo Paceville nnifsu. Ħafna żgħażagħ konna niltaqgħu hemm, min jirrakkonta x’għamel fis-sigħat ta’ qabel u min forsi fis-sakra imma l-hot dog tal-Golden 7 mhux se jitilfu.

Però mhux biss, iktar tard fis-snin 90 niftakar meta konna nkunu qed niddervertu Marsaskala u wara konna mmorru nieħdu dik il-famuża Chicken fillet mingħand taċ-Chicken jew inkella wara lejl Axis konna nispiċċaw nieklu burger fiċ-ċentru ta’ Paceville. U llum, x’jiġri? Dan ir-rit għadu jiġi onorat? Illum bis-servizzi tad-deliveries wisq probabbli saret iktar faċli li tordna l-ikel u jiġi fejn trid int milli toqgħod fil-kju tistenna, però huwa dnub li dik l-esperjenza tal-kju wara xarba titlifha. Kemm għamilna ħbieb f’dak il-kju, u ġieli f’każi tispiċċa tiltaqa’ ma’ tfajla tal-ħolm tiegħek. Biex ngħidu kollox, f’dawk il-famużi kjuwijiet anke xi ġlieda żgħira ma kintix tonqos, min forsi għax qabżitlu fil-kju, min forsi għax kellimtlu lit-tfajla jew inkella għax kien fis-sakra u ried jitkessaħ.

Insomma, kien żmien ieħor ta’ ħajja aktar sempliċi li konna nissoċċjalizzaw kullimkien.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com