Għaliex issib nies jikkjuwjaw biex jixtru l-Iphone?
Mistoqsija li ħafna jistaqsu. Imma għaliex issib nies jagħmlu dan is-sagrifiċċju u jmorru jistennew għal ħin twil biex jixtru kull ħarġa ġdida ta’ Iphone? Ma jsibux jixtruh mill-ħwienet bil-kwiet?
Ir-raġunijiet ivarjaw. Mijiet ta’ nies jistennew edizzjoni ġdida tad-ditta Apple, speċjalment dik tal-Iphone. Dawn ikunu jew segwaċi leali u anke dawk li jkunu jridu li jkollhom l-iphone f’idejhom qabel ħaddieħor. Hemm ukoll dawk li jixtru bil-kwantità biex imbagħad ikunu jistgħu jbiegħhom huma.
L-Iphone huwa magħruf għas-sistema professjonali tiegħu u anke għal karatteristiċi ta’ sigurtà li fih bħal ngħidu aħna; li biex tiftħu tista’ tuża’ subgħajk jew il-fattizzi ta’ wiċċek u hekk isserraħ moħħok li jekk jiġi f’idejn ħaddieħor, ma jkunx jista’ jaċċessah. Teżisti wkoll fih, il-karatteristika li biha tista’ twaqqaf it-‘tracking’ ta’ fejn inti tkun jew tmur.
Imma xorta waħda l-fatt li ssib nies, speċjalment barra minn Malta, li saħansitra anke jikkampjaw barra n-negozji li jbiegħu l-Iphone minn lejl qabel sabiex jixtruh, hija tassew interessanti jekk mhux ukoll sorprendenti.
Persuni midħla sew fil-qasam tat-teknoloġija jistqarru li għalkemm l-Iphone jibqa’ popolari u anke jazzardaw jgħidu ‘maħbub’, jidher li tilef ftit mill-popolarità wara li l-Iphone 14 Pro ma laħaqx l-aspettattivi tax-xerrejja għal xi raġuni jew oħra.
L-aktar poplu li juża dan il-mobile huma l-Ġappunizi li jkopru 70% tax-xiri tal-prodott.
Il-persentaġġ ta’ nies li jużaw l-Iphone vs Android fl-Ewropa (sa l-2021) kien ta’ 32.1% u 67.2%. Dan anke minħabba l-fatt li l-Iphone jiswa kemxejn iżjed fil-prezz.