Tiddejjaqx tgħid le għal telefonati, messaġġi jew e-mails wara ċertu ħin
Id-dinja tal-lum hija kkaraterizzata mill-użu tal-mobile kontinwament. Biex iċċempel, tibgħat, tixtri, taqra, tara, tgħabbi, tieħu ritratti, vidjows u elf ħaġa oħra. Ma ngħaddux mingħajru u jekk tistaqsi lil xi ħadd, x’tieħu miegħek kieku kellek tintbagħat xi mkien fejn m’għandek aċċess għalxejn ħlief ħaġa waħda, ir-risposta iżjed iva milli le, tkun il-mobile.
Madanakollu din l-għodda f’idejna ħolqot stress qawwi li persuna min-naħa l-oħra li tkun trid xi ħaġa mingħandek, kważi tistenna li bagħtet e-mail u kważi trid taraha dak il-ħin, jekk ma ċċempillekx ukoll tavżak li bagħtitlek e-mail. Kważi saret ukoll prassi li jekk tibgħat e-mail, trid tinnotifika l-persuna biex tgħidilha dwar dan. Dan jiġi stress bla bżonn. Għalkemm nafu dan, xorta ngħaddsu rasna u nkomplu sejrin b’dan l-aġir għaliex inħossuna li ‘ser ninqatgħu mill-kumplament jew naqgħu lura’. Dak li qabel kien isir fi tliet ijiem, illum isir f’ġurnata. Issa tarahiex pożittiva jew le, huwa inti li trid tiddeċiedi. Mill-aspett ta’ ‘business’, ekomonija u ħin, ovvjament il-mobile ġab avvanzi kbar. Imma kemm qed iħallina ngħixu jum b’jum?
Bla dubju f’kollox irid ikun hemm bilanċ. Imma dan l-ovvju ma huwhiex ovvju għal kulħadd. Speċjalment il-ġenerazzjonijiet li twieldu bil-mobile aċċessibbli li ma jafux żminijiet oħra mingħajru.
Issib nies li anke jċemplu fil-23.00 biex jistaqsu affarijiet relatati max-xogħol. Kif imbagħad ntaqtqu fuq is-saħħa mentali jekk il-bniedem mhux jitħalla jieħu l-mistrieħ tiegħu fil-ħin li suppost jistrieħ?
Inti x’taħseb dwar dan? Ħajtek inti tmexxieha jew ikkmandata mill-mobile? Jekk taf dan u tiddeċiedi li xorta hekk trid tagħmel għax dik hija n-norma llum? Aħseb ftit.