Riħ isfel jew fuq? Li nafu żgur hu li riħ illum!

 Riħ isfel jew fuq? Li nafu żgur hu li riħ illum!

Il-fatt li ngħixu fi gżira ċkejkna jfisser li aħna wisq familjari ma’ ġranet ta’ riħ. Iżda qatt smajtu bil-frażijiet riħ isfel u riħ fuq? U kontu tafu li hemm tnejn oħra magħhom: riħ barra u riħ l-art?

Iżda xi jfissru dawn? Meta wieħed jgħid riħ fuq, dan ifisser li r-riħ ikun ġej mill-Punent jew mill-Majjistral. Huwa riħ pjaċevoli li ma jtajjarlekx xagħrek ma’ kullimkien malli toħroġ mill-bieb. Ir-riħ isfel huwa dak li ġej min-Nofsinhar u li ġeneralment iġiegħlek tħossok xi ftit skomdu! Imbagħad hemm riħ l-art li jkun ġej min-naħa tal-Lbiċ u riħ barra li jkun ġej mill-Grigal.

Pero, l-aktar wieħed famuż fost dawn huwa r-riħ isfel. Dak li fis-sajf iġiegħlek tħossok qed twaħħal bis-sħana. Jew dak li jneffaħlek xagħrek u minn lixx spagetta jiġi qisu tal-klawn li kienet ġabitlek ommok fil-party tal-preċett.

Imbagħad, hemm dawk il-ġranet famużi fejn Malta donnha tieħu lewn differenti, grazzi għat-trab ħamrani li jitkaxkar lejn il-gżira, sħun sħun, mid-deżert tas-Saħara. Dan ġieli jasal sabiex jikkawża maltempata tar-ramel li fil-pajjiżi Afrikani ddum għaddejja għal madwar 50 jum u infatti dan it-tip ta’ riħ tlaqqam riħ il-ħamsin! Madanakollu, meta dan ir-riħ il-ħamsin jiddeċiedi li jiġi jsellem lill-Maltin, ġeneralment ma jdumx aktar minn ġurnata jew tnejn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com