Għalfejn il-Maltin iħobbu jsiefru fuq cruise?!
Għalfejn għandek toqgħod tippjana vakanza sal-inqas virgola, jekk hemm mod faċli ieħor li jista’ jippermettilek tagħmel dan sempliċiment permezz ta’ booking wieħed? Ħafna mill-Maltin hekk jirraġunaw u ngħiduha kif inhi ma nistgħux nagħtuhom tort.
Meta tmur vaganza, ġeneralment l-iskop warajha huwa li tistrieħ mhux tiġġennen tiġri minn post għall-ieħor u tirriċerka dwar fejn tista’ tmur tiekol, il-mezzi ta’ trasport u mitt elf ħaġa oħra. Allura, x’inhuma r-raġunijiet prinċipali għaliex il-Maltin iħobbu jmorru cruise?
Ikel bla limitu!
Ngħiduha kif inhi, il-Maltin jekk hemm xi ħaġa li tixtrihom biha hija li tagħtihom xi platt plattun li ma jispiċċa qatt! Infatti, meta wieħed imur cruise jista’ jiekol minn varjetà ta’ ristoranti differenti abbord il-vapur u mingħajr limitu. Trid pizza, naqra sushi u platt chinese papali? Tinkwieta xejn, waqt cruise tista’ tiekol sakemm jibdew jaqbżulek għajnejk.
Min jaqbdu n-ngħas l-ewwel, jista’ jmur jorqod mingħajr ma jtellef il-gost ta’ ħadd
L-ewwel darba li tkun mal-familja u ommok tibda teqred li qabadha n-ngħas u jkollkom titilqu kollha? Meta tkun fuq cruise, din il-problema ma teżistix għax il-kabina u l-postijiet ta’ divertiment jinstabu kollha fl-istess post. Malli ommok jaqbadha n-ngħas tista’ terħilha lejn il-kabina u inti tista’ tkompli tara liż-żeffiena jżegilgu bla problemi.
Hemm is-sigurtà kollha neċessarja għal familji li għandhom tfal żgħar
Li ssiefer permezz ta’ cruise sserraħ il-moħħ ta’ ħafna Maltin partikolarment dawk li għandhom tfal żgħar. Apparti li l-vapuri huma attrezzati għall-bżonnijiet tal-familji, f’każi ta’ bżonn wieħed jista’ faċilmet jirritorna lura fil-kabina bit-tfal mingħajr problemi ta’ sigħat twal fuq mezzi tat-trasport jew tgerfix ta’ liema triq għandek tieħu biex tmur lura fil-lukanda!
Ikun hemm diversi parties, uħud bit-temi tagħhom
Għal dawk li jħobbu l-parties, fuq il-cruise jistgħu imorru parties differenti bi wħud minnhom ikollhom it-temi tagħhom. Jekk hemm party tajjeb mhux se nitilfuh, le?
Divertiment kull ħin!
Apparti l-parties, fuq il-cruise ikun hemm tipi ta’ divertiment differenti matul il-ġurnata kollha u jibqgħu għaddejjin tard bil-lejl. Minn mużika u żfin, games rooms u casinos, pixxini u spas, hemm xi ħaġa għal kulħadd.
Tista’ tgħażel pakketti li jinkludu l-irqiq
Jekk int it-tip li tħobb tieħu grokk ‘l hemm u ‘l hawn, hemm diversi pakketti li jippermettu li inti jkollok aċċess bla ħlas għall-bar li jinkludi alkoħol bla limitu. Iżda oqgħod attent li ma tispiċċax f’xi sakra papali għax il-mara tgħalqek barra l-kabina u jkollok tmur torqod fuq xi deck chair fejn il-pixxina.
Tista’ tintilef (…jew taħrab) lir-raġel għal ftit ħin
Jekk ir-raġel qabbiżomlok jeqred dwar kemm għandu ġuħ u li jrid imur jerġa’ jiekol, il-vapur tant huwa kbir li faċli tintilef minn miegħu (jew taħrablu) għal ftit ħin. Imqar sakemm tibla’ żewġ panadols biex tgħaddilek dik l-uġigħ ta’ ras li qabbadlek.
Tagħmel naqra shopping
Il-vapur huwa attrezzat għal kollox u infatti jinkludi fuqu wkoll diversi ħwienet minn fejn tista’ tmur tagħmel shopping. Nafu kemm aħna l-Maltin inħobbu nduru erbat iħwienet u nixtru xi affarijiet li jfakkruna fil-mumenti l-aktar sbieħ tal-vakanza tagħna.
Iżżur diversi pajjiżi fi vjaġġ wieħed
Meta tivvjaġġa permezz ta’ ajruplan, ġeneralment ikollok tippjana kollox u ħafna drabi tispiċċa tibqa’ fl-istess post hekk kif meta tmur minn post għall-ieħor hemm distanzi twal u tispiċċa taħli ħafna ħin fuq il-mezzi tat-trasport. Il-cruise, min-naħa l-oħra, huwa effiċjenti hekk kif il-vjaġġ isir waqt li inti tkun qed tonħor. B’hekk tisbaħ dejjem f’postijiet ġodda u jkollok ċans madwar ġurnata biex tara x’hemm fil-viċinanzi!
Il-Casino qiegħed kantuniera ‘l bogħod
Għal dawk li jħobbu jittantaw xortihom, il-vapur jiġi attrezzat bil-Casino, sakemm il-vapur ma jkunx irmunkat f’xi port. F’dak il-każ, il-liġi marittima titlob li l-casino jingħalaq. Forsi jkun aħjar li f’ċerti ħinijiet ikun magħluq ħalli jgħinna nfaddlu lira flok nonfquha!