Idejquk il-home visits jew tistenniehom?
Malli toqrob elezzjoni, il-kandidati jiġu mħeġġa jagħmlu l-home visits. Din hija prattika li ssir f’Malta l-iżjed għalkemm barra minn Malta, isiru imma b’forma differenti fejn persuna tkun hi li titlob li tiltaqa’ ma’ kandidat u forsi forsi, jaċċetta li jmur iżur lill-kostitwent.
Fil-verità, toħloq ħafna stress lill-kandidat. Tant li hemm min ma jkunx irid jagħmilhom imma jkollu pressjoni mill-partit biex jagħmel dan. Hemm min l-hena tiegħu u jarahom bħala mezz ta’ komunikazzjoni man-nies u li sservieh ta’ rilassament. Jiddependi mal-karattru tal-kandidat.
Hemm min tant iħossu mgħobbi fejn dar wara l-oħra, jisma’ ilment wara l-ieħor li jinfixel, anke jekk ma jammettix għaliex irid jipproġetta li hu sod. Ħeqq inkella jekk infxilt kif se jivvutawlek?! Aħsbu ftit kemm stress toħloq il-politika.
Għax imbagħad taqlagħħa li ‘issa ġejt għax lejlet l-elezzjoni’, meta wieħed irid jaħseb ukoll, li l-politika ġaladarba jitla’, irid jaħdem ukoll u x-xogħol ma jkunx faċli. Kif trid tlaħħaq iddur, taħdem, familja?
Hija arena kbira li fiha taqla’ ħafna kritika u ftit tifħir. Forsi wasal iż-żmien li jinqatgħu l-ħome visits għax donnhom inqatgħu bosta tradizzjonijiet imma din m’hemmx li tinqata’.
Issib nies jistennewhom ħalli jgħidu dak li jrid jwasslu lill-partit. Hemm oħrajn jgħidu ‘tiġux l’hawn għax ma niftħilkomx’. Insomma, purament stress.
Imma intom x’taħsbu? Triduhom?