Tarmawha d-dar għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid?

 Tarmawha d-dar għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid?

Il-Milied huwa l-iżjed żmien li fih in-nies iħobbu jżejnu. Tista’ tgħid li f’Malta din hija użanza popolari ħafna.

Imma fil-kultura Maltija, hemm ukoll ħafna li jarmaw għall-Ġimgħa l-Kbira. Ovvjament mhux fuq skala kbira bħall-Milied imma jżejnu.

Ħafna huma dawk li jkollhom xi sett vari, antiki, lokali jew minn ta’ Spanja. Jew ikollhom statwa waħda; l-iżjed popolari jkunu r-Redentur u d-Duluri.

Il-ġiżi huma l-fjuri marbuta ħafna ma’ dan iż-żmien fejn naraw ukoll vannijiet fit-toroq ibiegħu minnu. Il-fwieħa li jarmu dawn il-fjuri hija wisq pjaċevoli, basta ma tbatix mill-ażma.

Issib dawk dilettanti li jarmaw xi salib fit-tieqa u anke pavaljuni suwed bil-gallun isfar b’xi xbieha marbuta ma’ dan iż-żmien sabiħ.

Min ikollu l-arblu tal-festa, jarma salib imdaqqas u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, itella’ bandiera mezza lasta.

Daħlet ukoll drawwa tal-girlandi mal-bieb bħal fil-Milied. Bid-differenza li dawn ikollhom fjuri, flieles u bajd żgħir li jfakkarna fl-Għid il-Kbir.

Żmien sabiħ ħafna mhux biss li fih sinifikat reliġjuż imma wkoll huwa mimli kultura.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com