Liema huwa l-iżjed marċ funebru popolari u maħbub mal-poplu tagħna?
Dawn huma opinjonijiet. Jiddependi mill-gosti. Iżda, inkunu qed nazzardaw jekk ngħidu li l-marċ Cipresso ta’ Maestro Angelo Melilli huwa l-iżjed wieħed li jindaqq, popolari u mistenni matul il-pruċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa?
Huwa marċ maħbub u bosta rħula li għandhom il-purċissjonijiet, jitolbu dan il-marċ biex jiddaħħal il-Monument lura fil-Knisja. Dan biex jidħlu fi spirtu partikolari u l-pass li jaqbdu r-reffiegħa, jgħin fiż-żfina melankonika li twassal l-urna bil-korp Kristu mejjet lura fil-Knisja.
Lejn l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, bosta kienu dawk is-surmastrijiet tal-mużika barranin, l-aktar Taljani u Sqallin li sabu xogħol mal-ftit baned Maltin li kien hawn f’dak iż-żmien. Dan juri wkoll kemm f’Malta, il-kultura dejjem kienet rikka minn kull aspett. Is-Surmast Angelo Melilli, Sqalli minn Licata (Provincja ta’ Agrigento), kien wieħed minnhom, li bejn is-sena 1898 u dik ta’ l-1912 idderieġa mhux inqas minn tliet baned lokali: La Vilhena ta’ Floriana, San Giorgio ta’ Bormla u San Filippo ta’ Ħaż-Żebbug.
Ic-Cipresso huwa wkoll magħruf ma’ dawk li forsi inqas jifhmu f’dawn it-tradizzjonijiet.
Madanakollu, hemm bosta marċi funebri oħra magħrufin, maħbubin u sbieħ immens … bla dubju, ta’ kompożituri kbar Maltin; kemm dawk ħajjin u anke dawk li ħallewna.
Intom x’taħsbu?