Qatt smajt dwar it-thrifting?
Dan l-aħħar qed nisimgħu dejjem aktar dwar il-kunċett ta’ thrifting b’diversi persuni qed jiftħu negozji thrifting madwar il-gżejjer Maltin. Dan it-terminu jfisser li inti tmur tixtri minn ħwienet jew xi suq, fejn il-venditur ikollu ħwejjeġ diġà użati iżda li jkunu għadhom ta’ kwalità tajba.
Apparti li huwa xi ħaġa totalment favur l-ambjent, huwa wkoll opportunità għal ħafna biex jixtru ħwejjeġ vintage li ħafna drabi jkunu wkoll tad-ditta, bi prezzijiet irħas u aktar raġjonevoli.
Din is-sistema tgħin sabiex ħwejjeġ li jkunu għadhom ta’ kwalità tajba ma jintremewx għalxejn, iżda b’xi mod jew ieħor isibu ruħhom fil-gwararrobba ta’ xi ħadd li jixtieq jilbishom.
F’Malta qed naraw il-ftuħ ta’ diversi ħwienet tat-tip, speċjalment fil-Belt Valletta. Intant diversi markets organizzati lokalment qed jinkoraġġixxu dawn in-negozji biex jipparteċipaw u flimkien joħolqu suq ta’ thrift stores f’diversi villaġġi u mqassmin fuq ġranet differenti matul is-sena kollha.