10 punti kif toħloq effett zen fid-dar tiegħek
Kultant tidħol fi djar u tħoss sens ta’ serenità li ma tkunx tista’ tispjegah. Ħafna drabi dan ikun effett ta’ numru ta’ fatturi flimkien
Dar nadifa u żbarazzata tilqgħek ferm aktar minn dar traskurata u bl-imbarazz jiġri ma kullimkien. Imma hemm aktar fatturi li jistgħu joħolqu dan is-sens li jilqgħek f’dar.
Dawn huma 10 affarijiet li jistgħu jgħinuk toħloq effett zen f’darek:
1. Uża kuluri naturali
Agħżel skema ta’ kuluri newtrali speċjalment fiz-zoni li fihom tirrilassa. Kuluri bħal beige jew kulur krema, griż ċar, kulur il-ħawħa ċar, dawn kollha jagħtuk sens ta’ rilassament. Prova żomm dawn il-kulur fl-għamara, il-ħitan, il-purtieri_, cushions_ u throwovers.
2. Uża tessuti f’postijiet strateġiċi
Poġġi tessuti fejn tmiss l-aktar. Tapit li jinħass sabiħ taħt saqajk jagħti effett tajjeb. Ħalli cushions jew throwover fuq sufan u fejn isserraħ idejk. Dak li jinħass tajjeb jagħti sensazzjoni sabiħa fil-kamra.
3. Immassimizza d-dawl
Jekk għandek dar imdawwla b’mod naturali, użah. Id-dawl naturali jagħti sens tajjeb in ġenerali. Il-purtieri huma importanti biex jagħtu dehra aktar kompluta lill-kamra imma għażel drappijiet ħfief u kuluri ċari li ma jtaqqlux id-dehra tad-dar.
4. Uża aktar minn sors ta’ dawl wieħed
Għal dehra aktar rilassanti, minflok tixgħel linfa kbira, uża numru ta’ sorsi ta’ dwal. Dawwal il-kamra b’lampshades, fairylights u xemgħat.
5. Għamara sempliċi
Aktar ma jkollok għamara sempliċi, aktar il-moħħ ikun jista’ jirrilassa. L-għajnejn jgħoxew fl-affarijiet li mhumiex ikkumplikati.
6. Erfa’ dak li m’għandekx bżonn
Aktar ma żżomm l-għamara żbarazzata, aktar is-sens ta’ serenità. Erfa’ dak li m’għandekx bżonn. Ħalli biss ftit ornamenti li jikkumplimentaw il-kamra u li jpaxxu l-għajn.
7. Dawk l-imberkin electronics
Jekk tista’ tħallix screens jidhru. Jekk tista’ tgħatti t-televiżjoni b’biċċa għamara jew arti, tant l-aħjar. Jekk trid moviment fil-kamra, poġġi akkwarju żgħir. Il-moviment tal-ħut għandu effett rilassanti ħafna.
8. Daħħal ftit natura
Hu fatt magħruf li n-natura tgħinna nirrilassaw. Żewwaq il-kmamar bi pjanti żgħar jew kbar skond l-ispazju li għandek. Tista’ tpoġġi pjanti f’kull kamra tad-dar, inkluż fil-kamra tal-banju.
9. Fewwaħ id-dar
Mhemmx isbaħ milli tidħol f’dar li tfuħ. Uża żjut essenzjali jew affarijiet naturali biex tfewwaħ id-dar.
10. Intilef fil-mużika
Ħalli mużika rilassanti fil-background int u tagħmel ix-xogħol tad-dar jew tirrilassa. Din tgħin il-moħħ jistrieħ u ttaffi mill-istorbju li jista’ jkollok madwarek.