Ħ’Attard – ir-raħal li jfewwaħ – Reġjun Tramuntana
Ħ’Attard huwa raħal pittoresk li tradizzjonalment, flimkien ma’ Ħal Balzan u Ħal Lija, jissejjħu t-tliet villaġġi. Madanakollu, Ħal Lija ma jiffurmax parti mir-Reġjun Tramuntana.
Il-motto huwa Florigera rosis halo – infewwaħ l-arja bir-riħa tal-fjuri. Dan minħabba l-ġonna sbieħ u s-siġar taċ-ċitru. In-nies ta’ Ħ’Attard jissejħu Saraċini.
Il-popolazzjoni tgħodd mat-13,000.
Jingħad li l-isem Attard huwa ġej minn kunjom li kien jappartjeni għall-ewwel persuna li kien jgħix fih. Hemm min jgħid li Attard ġejja minn Attar li hija r-riħa taż-żejt tal-fjuri jew mill-Għarbi, Atr, li tfisser fwieħa.
Fil-passat, fis-seklu 16, kien jissejjaħ ukoll Attardo. Il-medda tiegħu tkopri madwar 7 km kubi u tinkludi l-akkwata moderna Misraħ Kola. Tħares lejn l-Imdina u tinkludi wkoll Ta’ Qali. Mhux biss, imma tinkludi wkoll Tal-Idward, Wied San Martin, Wied Inċita u Wied Irmiedi.
Fis-26 ta’ Marzu tal-1575, ir-raħal ta’ Ħ’Attard inqata’ minn ma’ dak ta’ Birkirkara u sar parroċċa għalih.
Il-parroċċa hija ddedikata lil Santa Marija bil-Knisja l-ġmiel tagħha b’arkitettura Barokka u unika, fejn mal-faċċatta, titpaxxa tara l-kolonni skulturali bl-iprem xogħol fil-ġebel. Il-Knisja nbniet mill-perit Tommaso Dingli, li twieled u għex f’Ħ’Attard u huwa magħruf għal bini ta’ diversi knejjes oħra f’pajjiżna.
Parti oħra popolari ma’ kulħadd u li hija parti minn dan il-lokal hija l-parti ta’ San Anton fejn inisbu l-palazz, illum tal-President ta’ Malta u l-ġnien kbir tiegħu. Inbena fi żmien il-Kavallieri bejn l-1600 u l-1625.
Mill-1980 ‘il quddiem, Ħ’Attard żviluppa sew imma baqa’ xi ftit jew wisq konformi mal-istil ta’ villaġġ Malti. Diversi vilel u djar kbar li anke jissejjħu palazzi, issibhom iżejnu dan ir-raħal. Magħruf ħafna għall-kwiet u anke fih ristoranti u kafetteriji li jilqgħu ħafna nies li jfittxu dan il-post, fejn it-turiżmu lokali ħa sewwa fil-gżejjer Maltin.
Ħ’Attard għandu ġemellaġġ ma’ Élancourt fi Franza u ma’ Pieve Emanuele fl-Italja.
Il-Kunsill Lokali huwa mmexxi mis-Sindku Stefan Cordina, il-viċi Sindku Alexander Mangion, Connie Scerri, Remigio Bartolo, Giorgio Schembri, Dr Silvio Brincat, Dr Helen Caruana, John Bonnici u Victor Galea.