Ilsien ta’ lifgħa
Dawn huma mistoqsijiet ta’ kuljum li n-nies jistaqsu ta’ spiss u aħna nwieġbu lura imma x’naħsbu vera f’moħħna?
Kemm għandek żmien?
Ma taħsibx li għadek xi teenager, hux, għal li jista’ jkun? Mur ġib lili, noqgħod fuq ċint ta’ ħanut, tiekol it-Twistees u tixrob il-Kinnie, jekk ikollok 70 sena. Ara vera m’għandekx dinjita ta’ xejn, tafx.
Issa li qbiżt in-nofs seklu, aħseb għal ruħek.
Int dritt l-infern sejra, għax tpejjep u tixrob. Iva ,jien niġġudikak għax jien qaddisa. Kellu bżonn kulħadd kien bħali.
Kienu żżewġu t-tfal? Kemm jixbħuk dawn it-tfal.
Naf li dawn it-tfal tat-tifla li m’għadhiex mar-raġel. Ħa nara x’ħa tgħidli.
Dawk it-tkaken ħa jkorruk u jġibulek il-vini varikużi.
Mank kelli saqajja żnelli bħal tiegħek. Mank tieħu xi waħda għal wiċċek!
Ma rajtekx fil-festa.
Ja Mażuna! Min jaf fejn kont tiżżabel.
Tissellef il-ħwejjeġ ta’ bintek hux?
Mhux ta’ b’xejn tixtrilha ħafna x’tilbes, biex ikollok biex tiddandan int. Imissek tistħi.
Ilni ma naraha lit-tifla…
Imħatra li ħarġitlek tqila, u bagħttha x’imkien bil-moħbi, u naf li lin-nies qed tgħidilhom li marret tistudja barra. .
Vera problema ix-xagħar twil.
Imma dejjem perfett ikun. Tiegħi qed jaqali, u ngħir għalilk.
Ix-xagħar griż ixejħek.
Jixraqlek, imma anqas jekk toqtolini ma ngħidlek hekk. Kieku nagħmel bħalek, niffranka l-flus u l-ħin, imma jien vanituża.
Wieħed irid joqgħod attent wara t-30, taf …
Kemm int sabiħa u serena… jidher iħobbok dan, mhux bħall-ieħor.
Ir-relazzjonijiet ġodda mhux dejjem jirnexxu, fl-eta tagħna.
Ma nafx x’ralek! Aħjar indaħħallek id-dubji, biex jekk tinfirdu, ngħidlek li jien avżajtek, imma int ma smajtx minni.
Żdidt fil-piż, hux?
Għandek flus kemm trid, biex tixtri ħwejjeġ ġodda u sbieħ, f’kull qies, u jien ikolli dejjem inqanċeċ. Qisek il-ħanżira tal-erwierħ.
Tlift il-piż, hux? Kollox sew?
Sirt qisek mudella, imma anqas jekk naf x’naf, ma ngħidlek hekk. Ħafna aħjar minn meta kont qisek ċappa xaħam f’karta… imma rrid indaħħallek f’moħħok is-suspett li mradt, biex intellfek il-paċi.
Ilni ma narak. Għadek single?
Qaluli li siefirt għax ma tiflaħx. Mħatra li mhux ħa tgħidli. Kemm ngħir għalik. Kif qażżuni żewġi u razztu kollha. Bqajt fuq l-ixkaffa, vera, imma kultant af li hekk sew ta, għax anki fejn huma miżżewġin it-tfal, ma nistax għalihom.