“Iż-żgħażagħ jgħidu m’għandhomx flus imma mbagħad isiefru…”
Iż-żgħażagħ tal-lum, minkejja li għadhom żgħar u d-dħul tagħhom għadu fil-maġġorparti baxx, xorta waħda tarahom isiefru ta’ spiss. Ħafna minnhom isiefru minn tal-inqas tliet darbiet fis-sena, oħrajn lanqas jirnexxielek tgħoddhom fuq iż-żewġ idejn.
Imma għaliex qed isir dan? Analisti fis-settur tal-ospitalità madwar id-dinja sabu li ż-żgħażagħ huma ħafna aktar esposti għall-ivvjaġġar permezz tal-midja soċjali. Qed jikbru f’soċjetà fejn l-ivvjaġġar huwa prijorità u m’għadux jitqies bħala kapriċċ, bħalma jħarsu lejh ħafna ġenerazzjonijiet passati.
Iż-żgħażagħ ta’ ġenerazzjonijiet passati kienu jistennew sakemm il-paga tikber b’mod sostanzjali, jew sakemm ifaddlu ammont biżżejjed biex isiefru. Illum iż-żgħażagħ isibu modi biex jaraw li jivvjaġġaw fil-baġit li għandhom huma. Imma dan ma jfissirx li ż-żgħażagħ ma jinkwetawx dwar il-flus li jintefqu. Infatti, ħafna drabi tarahom jippjanaw vakanzi ħafna inqas lussużi billi jagħmlu użu minn ajruplani low-cost u jikru kmamar f’hostels minflok f’lukandi fost oħrajn.
Apparti minn hekk, iż-żgħażagħ tal-lum jippreferu jonfqu inqas flus fuq affarijiet li jqisu “mhux essenzjali” għal ħajjithom u jużaw dawk il-flus sabiex jivvjaġġaw. Eżempju, ħafna jnaqqsu nfieq żejjed fuq il-ħwejjeġ, teknoloġija u anke ċertu tipi ta’ ikel.
Imma x’jimmotiva liż-żgħażagħ jagħmlu dan kollu biex isiefru? Ħafna drabi, l-għan tagħhom ikun sabiex isibu ħin ta’ rilassament, biex jaħarbu mir-rutina ta’ kuljum u biex iqattgħu ħin prezzjuż mal-ħbieb jew qraba tagħhom. Fatturi oħra ta’ motivazzjoni għalihom huma sabiex ikollhom avventuri differenti, jieħdu ħsieb is-saħħa mentali u jesperjenzaw kulturi diversi.