Kienet seħħet splużjoni qrib in-Niċċa tar-Redentur limiti taż-Żejtun
Kien bħal-lum 1 ta’ Mejju tas-sena 1904 meta seħħet splużjoni ta’ kamra tan-nar qrib in-Niċċa tar-Redentur, limiti taż-Żejtun. Fiha, sfortunatament mietu ħamest irġiel.
Dawn kienu Carmelo Mifsud, Michael Spiteri, Vincenzo Mifsud, Anġlu Brincat u A. Mifsud. Ċertu wieħed C. Caruana kien għadda għall-aħjar.
Fuq il-post wara l-isplużjoni li seħħet għall-10.30am marru l-Ispettur R. Barbaro Sant akkumpanjat minn surġent u sitt kuntistabbli.
Sfortunatament in-nar joffri spettaklu mill-isbaħ u huwa sinonimu sew mal-gżejjer Maltin. Imma fl-istorja tiegħu, ma hix l-ewwel darba li kien hemm imwiet.
Bost mid-dilettanti, jew aħjar professjonist, għaliex biex jagħmlu dak ix-xogħol meraviljuż huma tassew bravi, jgħidulek, li għalkemm ġieli tilfu lil xi ħadd bin-nar, xorta waħda jibqgħu jaħdmuh għaliex dik hija l-passjoni u n-namra tagħhom. Jgħidu wkoll li tkun miktuba għalik anke jekk toqgħod attent b’seba’ mitt għajn.
Insellmu lil dawk kollha li ħallewna, vittmi tan-nar u nawguraw li dawn l-inċidenti koroh ma jseħħu qatt iżjed.