Kif inbidel il-mod kif tagħmel assignment jew teżi? Int lest tieħu sogru?

 Kif inbidel il-mod kif tagħmel assignment jew teżi? Int lest tieħu sogru?

F’kull kors akkademiku tiġi mitlub tagħmel xi assignment u/ jew teżi. Kull student illi jidħol għal kors, speċjalment l-Univerista’ jaf illi fl-aħħar tal-kors ser ikollu jagħmel teżi. Kulħadd ikunu jaf, għaliex hija prattika illi ilha tiġi implimentata għal numru kbir ta’ snin. Prassi li ma nbidlitx. Biss mas-snin inbidel il-mod kif wieħed jagħmel assignment jew teżi, spċjalment dwar kif wieħed jikseb l-aċċess għall-informazzjoni, li hi tant importanti sabiex wieħed jibni it-teżi tiegħu.

Mhux se mmur lura ħafna snin, imma xorta d-differenza hi evidenti. Fil-bidu tal-millenju, madwar 24 sena biss ilu, biex wieħed ifittex l-informazzjoni kien ikollu jmur il-librerija u jqalleb fiżikament ammont ta’ ġurnali u kotba. Aktar tard, daħlu programmi tal-kompjuter, illi kienu jgħinu sabiex wieħed isib l-abstract ta’ artiklu. Jekk kien jogħġbok, jew tara li kellek bżonnu, kont tmur tfittex l-artiklu sħiħ fil-kollezzjoni tal-librerija. Jekk lanqas hemm ma ssibu, stajt tinforma lil-librar u tordna dan l-artiklu. Kien jasal bil-posta. U bilħaqq, kien jiswa madwar seba’ Liri Maltin.

Aktar tard maż-żmien l-Universitajiet bnew libreriji sħaħ online, fejn student li jattendi univerista’ jew kulleġġ partikolari beda jingħata aċċess għal ammont kbir ta’ ġurnali online, u kollox mingħajr ħlas.

Din is-sistema għadha hemm sa llum. Imma llum, tfaċċaw ukoll siti illi jagħmlulek l-assignment jew teżi, ovvjament bi ħlas.

Ħa nagħmluha ċara, dan imur kontra kull etika, kontra kull regola u twassal biex wieħed ma jitgħallimx minn dak li jkun qed jagħmel. Jekk tinqabad, ovvjament twassal għal passi dixxipplinarji. Imma la teżisti qed insemmuha.

Le, m’hemmx bżonn xi dark web biex wieħed jaċċesshom. Jien ma fittixt xejn, imma telgħali reklam fuq Facebook. Dħalt, ktibt titlu li fettilli, l-ammont ta’ kliem, l-istil li ridt u saħansitra kif għandhom jinkitbu ir-referenzi. F’inqas minn minuta tela’ l-ewwel biċċa tal-assignment. Ovvjament ma rajtux kollu għax ma ħallastx.

Min qed jagħmel kors, qas għandu jgħaddi minn moħħu li jagħmel dil- ġennata. Imma li la hawn dawn il-kumpaniji (u mhux waħda) li qed joffri das-servizz, żgur li hawn min lest jieħu r-riskju

Int kieku tissogra?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com