Servizz Tal-Wifi Fid-Djar Tal-Anzjani Tal-Gvern

 Servizz Tal-Wifi Fid-Djar Tal-Anzjani Tal-Gvern

Bħalissa qed issir ħidma kontinwa biex id-djar tal-anzjani kollha tal-gvern jiġu attrezzati bis-servizz tal-wifi sal-aħħar ta’ Marzu 2021. Is-servizz ta’ wifi se jkun fil-kmamar kollha bil-għan li aktar anzjani jużaw l-internet u għodod oħrajn tal-informatika filwaqt li jkunu jistgħu jżommu kuntatt aktar fil-qrib ma’ qrabathom.

Proprju llum qed jitħabbar is-servizz tal-wifi fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa li tospita 123 anzjani. Mil-lum, b’din l-inizjattiva kull anzjan u anzjana se jgawdu minn dan is-servizz fil-kmamar kollha tagħhom minflok fil-partijiet komuni biss.

Filwaqt li lbieraħ bdiet l-installazzjoni fid-dar tal-anzjani fil-Furjana, se jkomplu jsiru l-installazzjonijiet fid-djar tal-anzjani fil-Mosta, fil-Mellieħa, fiż-Żejtun, f’Bormla u f’Zammit Clapp.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li proprju hekk kif għadha kif saret evalwazzjoni tas-servizzi kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-anzjani u tal-anzjanità attiva, qed issir il-ħidma kollha meħtieġa biex isir titjib fuq dak li diġà hu tajjeb kif ukoll żvilupp u tibdil meħtieġ għaż-żminijiet tal-lum.

“Fosthom id-djar tal-anzjani tal-gvern li ħafna minnhom imorru lura għexieren ta’ snin. Hekk kif iż-żminijiet inbidlu u s-servizzi li nagħtu nbidlu, qegħdin nevalwaw x’hemm bżonn isir fihom biex ikollhom l-istandards kollha meħtieġa. Bdejna proprju bid-dar tal-anzjani fl-Imsida li se tinbena kompletament mill-ġdid bil-faċilitajiet kollha moderni li wieħed jistenna f’dar tal-anzjani. Dak li nippridkaw fuqu naraw li noffruh”, qal il-Ministru Michael Farrugia.

Qal li f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija, fejn l-użu tat-teknoloġija ġie aktar bżonnjuż, fosthom minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-qraba, inħasset il-ħtieġa li jkun hemm kontinwazzjoni ta’ komunikazzjoni permezz ta’ aċċess ta’ wifi f’kull rokna tad-djar tal-anzjani. Hekk kif l-aċċess għar-riżorsi teknoloġiċi sar indispensabbli fid-dinja, il-Ministru Michael Farrugia jemmen li anke l-anzjani għandu jkollhom aċċess faċli għall-internet.

“Eventwalment hekk kif tgħaddi l-pandemija se nkunu qegħdin naħdmu fuq l-intergenerational activities għal aktar integrazzjoni fid-djar tal-anzjani maż-żgħażagħ u mat-tfal”, qal il-Ministru Michael Farrugia.

Fl-Imtarfa wkoll qed issir ħidma biex tinħoloq dementia care facility li twassal ukoll biex l-Imtarfa kollha tkun dementia-friendly village.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com