“Il-PN Baqa’ Ma Jemminx Fiż-Żgħażagħ” – Il-PL
Il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha temmen li ż-żgħażagħ huma biss aċċessorju għal fuq il-palk jew fuq xi billboard.
Il-PL qal dan b’reazzjoni għall-messaġġ li tella’ lbieraħ id-deputat Nazzjonalista David Thake fejn ikkritika l-ħatra tas-Sur Carlos Zarb, student tal-liġi ta’ 19-il sena bħala direttur fuq il-board ta’ Finance Malta. Is-Sur Thake qal li Zarb huwa membru fl-FŻL u għandu A-Level. Fl-istess waqt sostna li Malta kollha hija mbeżżgħa bil-Moneyval.
B’reazzjoni għal dan il-kumment, il-Partit Laburista qal li f’kuntrast, fl-aħħar snin, il-Gvern wera fiduċja kbira fiż-żgħażagħ u kull darba li dawn ingħataw l-opportunità qamu għall-okkażjoni u wrew kemm jistgħu jikkontribwixxu għall-pajjiż.
Qal li l-attitudni tad-Deputat David Thake, li fuq il-midja soċjali attakka żagħżugħ għax skont hu ma jistax jikkontribwixxi għax għandu dsatax-il sena, tikxef tassew x’jemmen il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech.
“Għal Bernard Grech, David Thake u l-establishment tal-Partit Nazzjonalista, persuna ma tistax isservi f’istituzzjoni pubblika għax għandha biss dsatax-il sena”, qal il-PL.
Fakkar li din mhux l-ewwel darba li fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista attakka liż-żgħażagħ jew inizjattivi li jgħinuhom fosthom il-garanzija għaż-żgħażagħ u l-istipendju għal min jirrepeti.
B’kuntrast qal il-PL, il-Gvern Laburista daħħal il-Vot 16 u l-Prim Ministru Robert Abela ħatar l-iktar Kabinett żagħżugħ fl-istorja.