Kumpanija b’servizzi f’konsulenza u awditjar fi sħubija ma’ Sliema Wanderers

Il-Grupp NM huma l-isponsors il-ġodda ta’ Sliema Wanderers.
Din is-sena huwa t-30 anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-entita assoċjata m’awditjar u konsulenza u bħala parti mill-proċess ta’ tiġdid u zvillup tal-kumpanija għazlu li jibdew din is-sħubija t’appoġġ mal-klabb glorjuz ta’ Sliema Wanderers.
Fil-prezentazzjoni tal-flokkijiet il-ġodda ta’ Sliema Wanderers bl-isponsor il-ġdid rapprezentanti tal-kumpanija qalu, “Nemmnu li l-futbol u l-isports inġenerali jagħlmuna lkoll fil-ħajja ta’ kuljum fejn tidħol dixxiplina, teamwork, attenzjoni u perseveranza, dawn huma valuri li nħaddnu u nemmnu li b’din il-kollaborazzjoni nistgħu nibqgħu mexjin ‘l quddiem”.
Fl-aħħar ġimgħat Sliema Wanderers għaddew minn taqlib amministrattiv kbir, kollox kellu bidu tiegħu fl-aħħar tas-sena li għaddiet meta allegatament konsorzju Tunezin wiegħed is-somma li tlaħħaq il-€25,000,000 miljun ewro lill-klabb Slimiz fuq medda ta’ numru konsiderevoli ta’ snien.
Ma’ dan il-ftehim jidher li kienet marbuta ukoll is-somma ta’ nofs miljun ewro li nhar l-Ewwel tas-sena l-membru Parlamentari l-avukat Adrian Delia kien ta f’isem dan il-konsorzju lid-Dar tal-Providenza.
Din l-injezzjoni ġdida lejn il-klabb Slimiz kienet wasslet biex il-klabb beda jimmira fl-għoli b’investiment anke f’numru ta’ players ġodda qabel beda l-istaġun, izda minn dan kollu ma’ ġara xejn, il-konsorzju Tunezin jidher li reġa bdielu bil-konsegwenzi li flok injezzjoni finanzjarja qawwija, l-klabb daħal f’baħar ta’ nkwiet b’numru ta’ players reġistrati mal-klabb saħansitra jitħallew bla salarju għal xhur sħaħ.
Is-sitwazzjoni wasslet ukoll għal numru ta’ rizenji mill-kumitat fosthom tat-Tim Manager Alex Muscat li izda reġa lura wara t-tluq mill-klabb tal-President Jeffrey Farrugia, kien hemm ukoll ir-rizenja tal-Viċi President, Martin Bonanno.
Sadanittant dan il-ftehim milħuq tard it-Tnejn wara nofsinhar huwa ta’ nifs qawwi għall-klabb Slimiz li issa jibda jħares lejn il-futur b’ottimizmu wara xhur ta’ maltemp amministrattiv.