Is-Seħer Tal-Ekwinozju… Bdew Jitwalu L-Iljieli

 Is-Seħer Tal-Ekwinozju… Bdew Jitwalu L-Iljieli

Ilbieraħ l-Erbgħa 22 ta’ Settembru 2021 għall-ħabta tad-9.20p.m., beda uffiċjalment l-istaġun tal-ħarifa astronomika.

Dan hekk kif id-dinja tasal f’punt fil-mixja orbitali tagħha madwar ix-xemx li jissejjaħ ekwinozju (‘Autumnal Equinox’). Il-kelma ekwinozju ġejja mill-Grieg u tfisser ‘equal night’. Dan peress li darbtejn fis-sena, jiġifieri fl-ekwinozju tar-rebbiegħa (20-22 ta’ Marzu) u dak tal-ħarifa (21-23 ta’ Settembru), in-nhar u l-lejl ikunu preċiżament indaqs..

Fl-ekwinozji, ir-raġġi tax-xemx jaqgħu direttament fuq l-ekwatur (‘equator’) tad-dinja, u kemm fl-emisfera ta’ fuq, kif ukoll dik t’isfel, il-jum u l-lejl ikunu ndaqs – prattikament fiż-żoni kollha ta’ madwar id-dinja kollha. Dan ix-xenarju jikkuntrasta ferm mas-solstizji (tax-xitwa u tas-sajf) fejn fil-latitudnijiet estremi nsibu jew 24 siegħa ta’ jum, inkella 24 siegħa ta’ lejl..

Dawn il-fenomeni huma possibbli minħabba l-inklinazzjoni fil-pern tad-dinja f’angolu ta’ madwar 23.5° li tippermetti staġuni differenti, li allura jfissru wkoll temp differenti matul ix-xhur tas-sena..

Kulma jmur, issa nibdew ninnutaw li ż-żerniq jibda jersaq aktar lejn ix-Xlokk, filwaqt li l-għabex ikun aktar lejn il-Lbiċ – meta fis-sajf dawn kienu fil-Grigal u l-Majjistral rispettivament. Ix-xemx naqqset ukoll fl-intensità tagħha u r-raġġi ultravjola naqsu ferm minħabba li l-pożizzjoni tagħha tkun anqas diretta! L-iljieli jitwalu u l-ġranet jibqgħu jonqsu sal-aħħar tas-sena!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com