Fi Triq Il-Kosta Se Jkunu Qed Jitwaħħlu Żewġ ‘Speed Cameras’ Oħra
Fil-ġranet li ġejjin l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali, fuq approvazzjoni ta’ Transport Malta, ser tkun qed tikkonkludi l-proċess ta twaħħil ta’ żewġ speed cameras fi Triq il-Kosta, direzzjoni lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Fi stqarrija ntqal li dawn il-kameras huma parti mill-pjan ta’ sigurtà f’din it-triq, u jikkumplimenta dawk imwaħħlin diġà ftit tax-xhur ilu, direzzjoni lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Il-LESA qalet li l-pjan ta’ din it-triq ġie determinat fuq rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn Inkjesta Maġisterjali, wara li kien hemm diversi inċidenti.
L-Aġenzija qalet li l-lokazzjoni ta’ dawn il-kameras se jkunu propju f’dawk il-postijiet li l-iktar saru inċidenti u bil-għan li dawn il-black spots jiġu ndirizzati.
L-Aġenzija tal-Infurzar Lokali temmet tgħid li permezz ta’ dan l-investiment, LESA u Transport Malta qed ikomplu jaħdmu flimkien biex jonqsu l-inċidenti fit-toroq Maltin.