Ħabta Bejn Bowser U Land Rover F’Ħaż-Żabbar

 Ħabta Bejn Bowser U Land Rover F’Ħaż-Żabbar

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn bowser tal-għamla DAF, misjuq minn raġel ta’ 49 sena residenti Ħaż-Żabbar u Land Rover Discovery, misjuq minn mara ta’ 31 sena residenti Ħaż-Żabbar.

Fil-Land Rover, kien hemm ukoll raġel ta’ 27 sena residenti Ħaż-Żabbar.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-persuni li kienu fil-vettura l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

Ix-xufier tal-bowser ittieħed għall-kura ġewwa Ċentru tas-Saħħa. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com