L-Isqfijiet Maltin ifakkru fl-innu nazzjonali ta’ Dun Karm Psaila għar-Randan
Fi stqarrija li ħarġet mill-Arċidjoċesi ta’ Malta ntqal li għall-40 jum tar-Randan, bħala Nsara hemm ħtieġa li nirriflettu fuq il‑ħames doni mingħand il‑Mulej li l‑poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl‑Innu Malti: id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem. Dan sar permezz tal-ittra pastorali tagħhom fejn ipproponewhom għall-insara f’pajjiżna.
Semmew kif dawn huma 5 barkiet li nistgħu ngħixuhom fil-ħajja tagħna u bihom nagħtu prijorità lill-proxxmu.
“Matul dan ir-Randan, li nieqfu ftit mill-għaġla ta’ kuljum u nisimgħu, inkellmu u nakkumpanjaw lil xi ħadd li qed ibati tista’ tassew tkun l‑ikbar għotja ta’ karità”.
Spjegaw kif dawn il-ħames barkiet imsemmija minn Dun Karm, jistgħu jintużaw min-nazzjon sabiex jintlaħaq il-ġid komuni.
Fosthom, isemmu, li hekk kif il-pajjiż bħalissa qed jipprepara għall‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali u l‑Parlament Ewropew, “inħeġġu lil kull min hu involut fil‑ħajja pubblika u politika sabiex ma jibżax jagħżel it‑triq kuraġġuża tas‑smigħ umli u tad‑djalogu rispettuż”. Fakkru wkoll li aħna “msejħin inkunu bennejja tal‑paċi. Il‑paċi jew il‑vjolenza ta’ bejnietna jiddependu fuq id‑deċiżjonijiet—kbar u żgħar—li nieħdu ta’ kuljum.
Il‑paċi hi frott deċiżjonijiet tajba u responsabbli. Meta ninjoraw il‑verità u l‑ġustizzja, meta rridu li dejjem ikollna raġun, u meta s‑suċċess u l‑flus isiru l‑idoli tagħna, inkunu qed niżirgħu ż‑żerriegħa tal‑vjolenza. Iżda meta nersqu lejn Kristu Msallab u Rxoxt u nidħlu fl‑iskola tal‑imħabba tal‑Mulej, inkunu qed ninfetħu għad‑don tal‑paċi tiegħu, biex flimkien miegħu nsiru bennejja tal‑paċi”.
X’taħsbu fuq dawn il-ħsibijiet?