Meta ssiefer tippjana qabel jew tiddeċiedi x’ħin tasal?
Hawn żewġ tipi ta’ persuni fid-dinja tal-ivjaġġar. Hemm dawk li meta jsiefru jippjanaw sal-inqas minuta, jagħmlulek time table u jsegwuwha qisha bibbja. Tarahom jgħidu li ta’ kuljum se jqumulek ma’ xis-7am biex jieklu l-kolazzjoni, imbagħad ikollhom pjan sħiħ ta’ fejn se jżuru ta’ kuljum, ikunu diġà għażlu liema ristoranti se jieklu fihom, qatgħu l-biljetti kollha tal-eskursjonijiet li jridu jagħmlu, u lesti sabiex il-flus li ħallsu jisfruttawhom kompletament.
Imbagħad hawn min jitla’ fuq l-ajruplan u ma jkollu l-ebda idea minn fejn se jaqbad jibda għax ma jkunx għamel biżżejjed riċerka għajr forsi għal ftit postijiet li jkun ra meta ddeċieda li jaqta’ l-biljetti. Tarahom l-ewwel lejl tagħhom fil-pajjiż ifittxu ta’ malajr x’jistgħu jaraw, imbagħad jippruvaw jaqtgħu l-biljetti għall-eskursjonijiet u kullimkien ikun fully booked. It-tip ta’ nies li meta jkunu qed jippassiġġaw fit-toroq u jaqbadhom il-ġuħ jidħlu fl-ewwel restorant li jsibu mingħajr ma jaraw l-ebda tip ta’ riċensjoni. L-importanti għalihom li jkunu ħarbu mill-ħajja ta’ kuljum!
Inti tippjana l-vjaġġi tiegħek jew tagħmel kollox spirtu pront?