Jitlaqqa’ l-ewwel EU-Startups Summit fil-Belt Valletta
Matul il-ftuħ tal-EU-Startups Summit fil-Belt Valletta, summit li tlaqqa’ għall-ewwel darba f’pajjiżna fid-9 ta’ Mejju, ġiet diskuss l-viżjoni li pajjiżna jibqa’ jaħdem favur aktar tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-Gvern qed jappoġġja lill-ekosistema tal-istartups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità.
Dan is-summit li qed isir bis-sapport tal-Malta Enterprise qed iġib flimkien ażjendi u sidien ta’ negozji lokali u barranin taħt saqaf wieħed.
Dan il-mudell ekonomiku se jkun qed iżid il-produttività, li tissarraf f’impjiegi b’pagi ogħla, aktar ġid u prosperità akbar. Dan l-investiment dirett barrani huwa u jibqa’ importanti madanakollu, dan ma jnaqqasx mill-importanza ta’ imprendituri u professjonisti lokali.
Qed issir ukoll ħidma sfiqa biex Malta tkun l-iktar pajjiż Ewropew startup-friendly. Ġie spjegat ukoll li pajjiżna qed jibdel u jtejjeb il-liġijiet biex nagħrfu l-vulnerabbiltajiet tal-istartups, jittejbu l-miżuri fiskali u jitnaqqsu l-proċessi burokratiċi għall-istartups li joperaw minn Malta.
Malta se tibqa’ minn ta’ quddiem li tħeġġeġ l-Unjoni Ewropea biex tinvesti iktar fl-istartups. Dan filwaqt li tappella għal Unjoni Ewropea b’vuċi iktar b’saħħitha u b’politika aktar ħolistika għall-istartups.
Din ma kinitx kumbinazzjoni li l-Europe Startup Nations Alliance, l-ESNA, ikklassifikat lil pajjiżna fir-raba’ post fil-lista ta’ pajjiżi Ewropej bi startups innovattivi.
Malta qed taħdem biex issir l-iktar pajjiż Ewropew ta’ suċċess għat-twaqqif ta’ startups innovattivi u ta’ kwalità.
Il-Malta Enterprise hija l-isponsor ewlieni ta’ dan l-avveniment. Il-kollaborazzjoni bejn il-Malta Enterprise u l-EU-Startups Summit assigurat tranżizzjoni bla xkiel biex l-avveniment mexa minn Barċellona għal Malta, fejn f’din l-ewwel edizzjoni f’pajjiżna, il-livell tal-avveniment kompla jitjieb.
Fl-aħħar snin il-Malta Enterprise stabbiliet ruħha bħala l-punt ta’ referenza għall-istartups lokali u internazzjonali li ġejjin Malta, fejn qed tgħin mill-qrib lill-istartups innovattivi. L-assistenza tal-Malta Enterprise f’każ ta’ kumpaniji l-aktar innovattivi tista’ tilħaq sa €1.5 miljun. Il-Malta Enterprise qed taħdem ukoll fuq Startup Framework nazzjonali.