Għalliema Jitolbu Apoloġija Minn Graham Sansone Tal-UPE – “Imissek Tistħi”
Għadd ta’ għalliema u ġenituri ta’ studenti li jattendu l-Kulleġġ ta’ Santu Wistin sejħu għal apoloġija minn Graham Sansone, Uffiċjal Għoli tal-Union of Professional Educators (UPE) wara li ppubblika filmat qarrieqi ta’ studenti fil-bitħa tal-iskola qabel jitilgħu fuq il-vannijiet.
Il-pubblikazzjoni tal-filmat fuq il-paġna tal-UPE, union li twaqqfet fl-aħħar xhur fi ħdan il-UĦM, ġabet rabja kbira minn diversi għalliema li sejħu lil Sansone biex jieqaf jallarma lill-ġenituri. Qalu li għall-kuntrarju ta’ dak li trid il-UPE, il-maġġoranza assoluta tal-għalliema jridu jibqgħu jattendu l-iskola biex jgħallmu b’imħabba lill-istudenti tagħhom.
“Qiegħed nippubblika dan ir-ritratt biex nuri r-realtà attwali dwar il-Kulleġġ Santu Wistin fejn jagħti perspettiva xierqa. Is-Sur Graham Sansone ħassar il-post tiegħi u biddel is-settings biex ma nkunx nista’ ntella’ r-ritratt reali. Ħadd ma jista’ jtella’ ritratti. X’għandek x’taħbi?”, staqsa għalliem waqt li akkużah b’manipulazzjoni bl-użu tal-midja.
Huwa żied jgħid li waqt li ma jaħdimx f’din l-iskola, jaf li t-tmexxija ta’ din l-iskola qed tagħmel dak kollu possibbli biex l-istudenti tagħhom jattendu l-iskola b’sigurtà.
“Jekk verament trid tgħin u tiddefendi lill-għalliema u l-iskejjel, ieqaf għamel il-ħsara. Din hija biss l-aġenda tiegħek. Ħadd mhu warajk…. nista’ ngħid li għamilt l-aqwa deċiżjoni li ma nisseħibx f’union bħal din. Insibha diffiċli ħafna biex nifhem ir-raġuni wara dan l-għemil.
“Jien GĦALLIEM u LE ma rridx immur lura d-dar u naqilbu online…. Jien irrid niltaqa’ mal-istudenti tiegħi. Jien irrid ngħix din l-esperjenza magħhom. Le, miniex għażżien u nikkundanna l-ideat u d-deċiżjonijiet tiegħek Sur Sansone, l-aktar azzjonijiet bħal dik li għamilt illum”, temm jgħid l-għalliem waqt li ppubblikat sensiela ta’ ritratti li jagħtu stampa ferm differenti mill-filmat li tella’ Sansone minn angolatura li ma tagħmilx ġustizzja mal-verità.
Intant dan il-filmat wassal ukoll għal barax ta’ kummenti minn bosta għalliema fejn sejħu lil Sansone bħala bniedem irresponsabbli. Għalliema minnhom qaltu li jmissu jistħi u ħeġġet lill-għalliema u lill-edukaturi biex jirriżenjaw mill-UPE u jissieħbu mill-ġdid fl-MUT, union bi storja twila li dejjem żammet il-bilanċ bejn l-interessi tal-edukaturi u l-istudenti.