Studenta Ta’ 13-il Sena Tirbaħ Il-Premju Ġwanni XXIII Għas-Sostenn Li Tagħti Lil Seħbitha

 Studenta Ta’ 13-il Sena Tirbaħ Il-Premju Ġwanni XXIII Għas-Sostenn Li Tagħti Lil Seħbitha

Kaya Falzon, studenta ta’ 13-il sena li toffri sostenn ma jaqta’ xejn lil Anthea Camilleri, studenta seħbitha tal-istess età fit-tieni sena tas-sekondarja fl-iskola Our Lady Immaculate tal-Ħamrun hija r-rebbieħa tal-premju Ġwanni XXIII Għat-Tjubija.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-midalja ġiet organizzata mil-Laboratorju tal-Paċi fil-Palazz ta’ Sant’Anton, taħt l-awspiċi tal-President.

F’kelmtejn tal-okkażjoni l-President ta’ Malta, George Vella, qal li filwaqt li huwa ġest nobbli li persuna tkun ta’ appoġġ għal ħaddieħor, meta dan is-sostenn ikun mifrux fuq numru ta’ xhur jew snin isir impenn b’saħħtu favur inklużjoni sħiħa u li maż-żmien jissarraf f’ġid akbar għas-soċjetà kollha..

Il-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija kull sena jagħti ġieħ lil persuna li, minkejja li tkun għadha ta’ età ċkejkna, ikollha diġà qalb kbira u timxi b’imġiba eżemplari.

Wara li ppreżentalha l-midalja, il-President feraħ lil Kaya Falzon u qal li permezz ta’ sens kbir ta’ altruwiżmu u umiltà tagħha, qed isservi ta’ pont bejn l-isfidi marbuta max-xogħol tal-iskola u l-kapaċitajiet ta’ Anthea biex anke hi tkun parteċipi bis-sħiħ fil-ħajja tal-iskola u tgawdi l-frott li jġib miegħu t-tagħlim.

Huwa qal li, “L-għajnuna li qed toffri Kaya, mhux biss lil Anthea iżda wkoll lil tfal oħra li jsibu diffikultà biex ilaħħqu mal-impenji tal-iskola, hija ġest sempliċi iżda li jitlob dedikazzjoni, paċenzja u mħabba lejn il-proxxmu. Fuq kollox, il-persuna trid tkun lesta tnaqqas mill-ħin liberu tagħha u tiddedikah għall-ġid tal-oħrajn”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com