Żewġ Derbies Importanti Għal Tmiem Il-Ġimgħa

 Żewġ Derbies Importanti Għal Tmiem Il-Ġimgħa

Hekk kif illejla jirritorna l-futbol fl-Ingilterra u fl-Italja, bla dubju jispikkaw iż-żewġ derbies mistennija bejn Liverpool u Everton fl-Ingilterra u Milan kontra Inter fl-Italja.

Mill-Kampjonat Premier Ingliż għada f’Anfield fil-18.30 jiltaqaw kontra xulxin Liverpool u Everton. Il-moral tar-reds hu kemmxejn tajjeb wara r-rebħa ta’ 2 – 0 barra minn darhom kontra RB Leipzig fil-UEFA Champions League. Fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-kampjonat, Liverpool ġew megħluba minn Leicester 3 – 1 biex fil-mument qedin jokkupaw is-sitt post fil-klassifika, inċidentalment tlett punti fuq lis-stess Everton. Min naħa l-oħra Everton għadhom ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi fil-kampjonat bl-aħħar punt miksub ikun kontra Manchester United is-sibt 6 ta’ Frar fid-draw a’ 1 – 1.

Dubjużi għat-tim ta’ Jurgen Klopp hemm il-midfielders Fabinho u James Milner filwaqt li Diogo Jota għadu mhuwiex mija fil-mija sabiex ikun inkluż. Min naħa l-oħra Carlo Ancelotti ikkonferma li l-aqwa skorer Dominic Calvert Lewis ser ikun qed jirritorna wara li tilef l-aħħar żewġ partiti minħabba injury fil-hamstring.

Il-Ħadd fil-15.00 Milan jilgħabu kontra Inter fejn fil-mument punt wieħed biss qed jifred lill-dawn iż-żewġ timijiet. Inter bħalissa qedin fil-quċċata b’total ta’ 50 punt filwaqt li Milan jinsabu warajhom b’49.

Inter ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat għas-spejjes ta’ Fiorentina u Lazio rispettivament filwaqt li Milan tilfu fl-aħħar partita fil-kampjonat kontra Spezia 2 – 0 u ġew draw ilbieraħ fil-UEFA Ewropa League kontra FK Crvena Zvezda.

Għalkemm kull derby jingħata importanza, dak ta’ nhar il-Ħadd qed jitqies bħala wieħed speċjali hekk kif iż-żewġ timijiet ilhom għal snin twal ma jkunu fil-quċċata tal-klassifika tas-Serie A.

 

Ritratt: getty images / sempre milan

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com