“Inżommu N-Nies Fiċ-Ċentru Tal-Politika Tagħna” – Il-PM

 “Inżommu N-Nies Fiċ-Ċentru Tal-Politika Tagħna” – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, F’diskors waqt konferenza tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej f’Berlin, tkellem dwar il-bżonn li l-Partiti Soċjalisti jibqgħu jżommu lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħhom.

F’din il-konferenza bit-tema, ‘With Courage, For Europe’, il-Prim Ministru Abela semma kif f’kuntest ta’ pandemija il-qasam tas-saħħa kien l-ikbar xhieda ta’ kif għandna nżommu n-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Iżda, mhux biss. Fisser kif biex wieħed jipproteġi s-saħħa tal-individwi jeħtieġ ekonomija b’saħħitha li tassigura li ma jintilfux l-impjiegi.

Aċċena għall-fatt kif fl-aħħar xhur il-gvern Malti adotta politika li tieħu ħsieb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja u fisser kif l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber aktar mill-medja Ewropea fl-istess ħin li qed tkun miġġielda b’mod effettiv il-pandemija. B’rabta mas-suq tax-xogħol tkellem dwar il-ħtieġa ta’ inizjattivi biex il-qgħad, fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari, jinżamm baxx. Dan għax ix-xogħol, flimkien mal-edukazzjoni, huma fost l-iktar għodda importanti li jiggarantixxu kwalità tal-ħajja aħjar.

Fuq l-aġenda tal-Prim Ministru kien hemm ukoll l-ugwaljanza, fejn tkellem dwar kif il-Partiti Soċjalisti jridu jibqgħu jkunu fuq quddiem nett biex jippromwovu l-ugwaljanza. Irrefera għal fatt kif ftit jiem ilu Malta saħħet il-pożizzjoni tagħha fil-quċċata tal-klassifika tad-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ u sostna li hemm l-impenn li jsir iżjed għaż-żmien li ġej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com