Il-Klabb Tal-Boċċi Ta’ Ħal Għaxaq Inawgura Żewġ Proġetti Li Saru B’Fondi Ewropej

 Il-Klabb Tal-Boċċi Ta’ Ħal Għaxaq Inawgura Żewġ Proġetti Li Saru B’Fondi Ewropej

Il-Klabb tal-Boċċi ta’ Ħal Għaxaq akkwista fondi Ewropej mill-programm LEADER għal żewġ proġetti fil-klabb bl-għajnuna tal-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta.

Fi żjara li għamel il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, fil-preżenza tad-diriġenti tal-klabb tal-boċċi, seta’ jara kif permezz ta’ fondi Ewropej il-klabb investa f’pergola biex ikun jista’ jorganizza attivitajiet matul is-sena, irrispettivament mill-kundizzjonijiet tat-temp.

Barra minn hekk, il-klabb akkwista wkoll fondi biex jinvesti f’tagħmir li jipprovdi esperjenza aħjar lill-membri. Il-fondi Ewropej qegħdin jintużaw biex jinxtara tagħmir għall-uffiċċju tal-kumitat u għal-laqgħat tal-membri, kif ukoll tagħmir ieħor tat-teknoloġija li jkompli jsaħħaħ il-ħidma tal-organizzazzjoni.

Tul iż-żjara, il-Ministru Abela qal li l-fondi tal-UE jgħinu ferm biex entitajiet żgħar bħal dan il-klabb tal-boċċi jkunu jistgħu jwettqu dawn il-proġetti ta’ fejda għall-komunità u li jservu ta’ sostenn. Huwa ħeġġeġ organizzazzjonijiet u klabbs oħrajn biex japplikaw għal fondi tal-UE sabiex huma wkoll jimplimentaw il-proġetti tagħhom. Fisser kif, mill-2019 sal-lum, għaqdiet mhux governattivi u kunsilli lokali ssottomettew bejniethom ftit iżjed minn 80 proġett li ġew magħżula għal fondi taħt dan il-programm bl-assistenza ta’ SEM.

Huwa fakkar kif SEM illum qed toffri wkoll l-assistenza mhux biss waqt l-applikazzjoni iżda anke matul l-implimentazzjoni, f’dik li sejjaħ bħala assistenza ħolistika u li verament taqdi l-bżonnijiet ta’ dawn l-għaqdiet.

Il-President tal-Klabb Carmelo Desira spjega kif b’dan l-investiment se jkun possibbli għall-klabb li jiddiversifika l-attivitajiet annwali biex jippromwovi l-isport tradizzjonali tal-boċċi, l-aktar fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com