Rapport Dwar Il-Protezzjoni Tal-Persuni B’Diżabilità Approvat B’84.7% Fil-Parlament Ewropew

 Rapport Dwar Il-Protezzjoni Tal-Persuni B’Diżabilità Approvat B’84.7% Fil-Parlament Ewropew

Ilbieraħ filgħaxija, waqt il-votazzjoni fil-Plenarja fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza kbira ta’ 84.7% ir-rapport dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità, li dwaru l-MPE tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba huwa r-Rapporteur u l-kelliem tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Dan huwa t-tielet rapport ta’ Agius Saliba bħala Rapporteur li ġie approvat mill-Plenarja tal-Parlament Ewropew matul din il-leġiżlatura.

“Ninsab kuntent bir-riżultat tal-votazzjoni. Kien unur għalija li naħdem fuq dan ir-rapport importanti, li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ is-sensibilizzazzjoni u jippromwovi d-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha għall-persuni b’diżabilità”, ikkummenta l-MPE Laburista Agius Saliba dwar l-eżitu tal-votazzjoni.

Bi kwart taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jiddikjaraw xi grad ta’ indeboliment jew diżabilità, għad hemm wisq nies li jiffaċċjaw ostakli fl-edukazzjoni, jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jew isibu xogħol.

Ir-Rapport qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jimplimentaw għadd ta’ inizjattivi mmirati biex jiżguraw li l-Istati Membri jkunu konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet għall-Persuni b’Diżabilità u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Ir-rapport qed jitlob definizzjoni komuni għar-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ diżabilità bejn l-Istati Membri tal-UE, li huwa strument kruċjali biex jgħin lill-persuni b’diżabilità jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu f’Ewropa mingħajr ostakli, għalhekk għandu jkun obbligatorju fl-Istati Membri kollha”, ikkummenta l-MPE Laburista Alex Agius Saliba.

Ir-rapport qed jappella wkoll lill-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Fakultattiv għas-CRPD biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien. “Il-Protokoll Fakultattiv huwa parti indiviżibbli tas-CRPD, li jipprovdi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea b’forum biex jikkomunikaw allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni minn Stat Membru u jippermetti lill-Kumitat tas-CRPD jibda inkjesti kunfidenzjali meta jirċievu informazzjoni li tindika li Stat Membru wettaq ksur gravi jew sistematiku”, kompla l-MPE Agius Saliba.

Id-dritt ta’ petizzjoni lill-Parlament huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw ostakli enormi biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jressqu petizzjoni. Ir-rapport qed jitlob lill-Parlament Ewropew biex jiżgura li s-sit elettronika tiegħu tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, f’konformità mal-politika ta’ tmexxija bl-eżempju. Barra minn hekk, għandha tippermetti t-tressiq ta’ petizzjonijiet bil-lingwi tas-sinjali internazzjonali u nazzjonali użati fl-Unjoni Ewropea u b’hekk tagħmel id-dritt fundamentali għall-petizzjoni aktar aċċessibbli għall-utenti tal-lingwa tas-sinjali.

“L-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li twieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini tagħha u li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabilità f’Ewropa mingħajr ostakli. Dan huwa fundamentali biex jinkisbu l-inklużjoni soċjali u ekonomika u l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”, iddikjara l-MPE Alex Agius Saliba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com