L-FIAU Timmulta €2.6 Miljun Lill-BOV – “Għanda Tintrefa’ Responsabbiltà Mill-Bank U Politika” – Il-PN

 L-FIAU Timmulta €2.6 Miljun Lill-BOV – “Għanda Tintrefa’ Responsabbiltà Mill-Bank U Politika” – Il-PN

“Huwa ta’ għajb li l-Bank ewlieni ta’ pajjiżna, li fih għad għandu kontroll primarju l-Gvern ta’ pajjiżna, jisfa’ mmultat 2.6 miljun ewro għaliex naqas milli josserva l-liġijiet ta’ pajjiżna ta’ kontra tal-ħasil ta’ flus. Dan ma jawgurax tajjeb fl-isforzi ta’ pajjiżna biex joħroġ mil-lista l-griża tal-FATF.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi, Mario de Marco, f’reazzjoni għal din l-aħbar li ħarġet illum.

Fi stqarrija Mario de Marco spjega kif l-FIAU qalet li investigazzjonijiet tagħha wrew li l-Bank of Valletta ma kienx qed jimxi mal-liġi fejn jidħol ġbir ta’ tagħrif dwar min kien verament wara l-kumpaniji li kellhom kontijiet mal-Bank. Huwa qal li dan seta’ jsir biss għal żewġ raġunijiet, “traskuraġni, jew agħar minn hekk, bl-iskop li tinħeba l-informazzjoni ta’ persuni u kumpaniji li kienu qed jużaw il-Bank of Valletta biex jiddepożitaw il-fondi tagħhom u jissellfu l-flus. F’kwalunkwe ċirkostanza, dan hu ta’ tħassib kbir.”

L-Oppożizzjoni fl-istqarrija talbet biex tintrefa’ responsabbiltà “kemm mill-bank kif ukoll politika għal dan in-nuqqas gravi, li barra milli jkompli jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna se jagħti daqqa ta’ ħarta lill-eluf ta’ azzjonisti, ħafna minnhom anzjani u familji bi dħul medju, li investew ftit mid-dħul tagħhom mal-Bank of Valletta. Wara li l-BOV ilu sentejn ma jagħti ċenteżmu dividend bl-iskuża tal-COVID, issa se jkollu jħallas 2.6 miljun ewro,” saħaq Mario de Marco.

Huwa temm jgħid li dawn il-flus, “flok se jmorru għand l-azzjonisti, se jispiċċaw il-Ministeru tal-Finanzi.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com