Jinfetħu L-Uffiċini Ta’ AgriConnect F’Ħaż-Żabbar Biex Jagħtu Assistenza Lill-Bdiewa Tan-Naħa Ta’ Isfel Ta’ Malta

 Jinfetħu L-Uffiċini Ta’ AgriConnect F’Ħaż-Żabbar Biex Jagħtu Assistenza Lill-Bdiewa Tan-Naħa Ta’ Isfel Ta’ Malta

Dalgħodu ġew inawgurati l-uffiċini l-ġodda ta’ AgriConnect f’Ħaż-Żabbar. Minn dawn l-uffiċini AgriConnect se tkun qed tkompli taħdem għal kollaborazzjoni mal-bdiewa u l-awtoritajiet tal-qasam agrikolu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Uffiċċju ieħor li se jilħaq in-nies fiċ-ċentru ta’ Malta se jkun qed jinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjien, fil-Pitkalija.

Minn żmien għal ieħor, AgriConnect toffri diversi servizzi biex teduka u żżomm lill-bdiewa u r-raħħala aġġornati b’dak kollu li għandu x’jaqsam max-xogħol tagħhom. Dan il-materjal jgħin biex jiggwida lill-bdiewa u r-raħħala dwar kemm hu bżonnjuż li jinżammu r-rekords kollha dwar l-attivitajiet li jsiru u dak kollu li jintuża fl-għelieqi jew l-irziezet tagħhom. Dan is-servizz huwa ssussidjat mill-Unjoni Ewropea, u ilu jiġi pprovdut sa minn Jannar 2020.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjega li, “Il-Common Agricultural Policy (CAP) tippremja l-bdiewa u r-raħħala għall-kontribut tagħhom lejn is-sigurtà tal-ikel. Dawn il-liġijiet huma kumplessi biex jiġu implimentati, u għalhekk il-pajjiżi membri tal-UE huma mitluba li jipprovdu sistema ta’ assistenza teknika relatata ma’ dawn il-liġijiet, biex b’hekk jassiguraw li l-bdiewa jkunu konformi mar-regolamenti u jkollhom aċċess għall-fondi Ewropej relatati mal-CAP.”

Il-Ministru Refalo qal ukoll li l-Gvern se jagħti għajnuna lill-bdiewa biex jidentifikaw u jsolvu problemi relatati mal-Cross Compliance (CC), l-Agri-Environmental Climate Measures (AECMs), u r-Rural Development Measures. Is-servizzi pprovduti minn AgriConnect huma b’xejn, u huma mogħtija minn esperti kwalifikati fil-qasam agrikolu. Biex is-servizz ikun ħolistiku, AgriConnect ser tifformola fertiliser plans u crop plans bla ħlas ukoll.

Il-Ministru Refalo b’sodisfazzjon tkellem dwar kif dan is-servizz se jservi mhux biss biex jinċentiva lill-bdiewa u r-raħħala, iżda wkoll biex jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jagħżlu dan is-settur għall-karriera tagħhom u jgħinhom jibbenefikaw minn fondi allokati speċifikament għalihom.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com