“Taxxi Ambjentali Tal-Pitrolju Se Jfissru Tnaqqis Dirett Fil-Kompettitività Ekonomika Tad-Destinazzjonijiet Lejn Il-Gżejjer”

 “Taxxi Ambjentali Tal-Pitrolju Se Jfissru Tnaqqis Dirett Fil-Kompettitività Ekonomika Tad-Destinazzjonijiet Lejn Il-Gżejjer”

F’intervent li għamel waqt id-dibattitu dwar l-emendi għad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija li qed jiġu proposti fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew dwar id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (ETD), l-eks Prim Ministru Alfred Sant qajjem mistoqsija dwar it-taxxa li qed tiġi proposta fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni għal-linji tal-ajru.

Hu saħaq li l-proposta li tiddaħħal taxxa fuq tul ta’ għaxar snin fuq tali fjuwil għall-ivvjaġġar bl-ajru se tfisser tnaqqis dirett fil-kompetittività ekonomika tal-gżejjer u destinazzjonijiet periferali. Sant sostna li s-soluzzjoni għal dil-biċċa ma kellhiex bilfors tinvolvi eżenzjoni totali mit-taxxa għal kull titjira li twassal lejn – u ġejja minn – gżejjer u reġjuni imbiegħda jew periferali. Id-dħul tat-taxxa seta’ jsir f’passi differenti minn kif kien se jiġri għal destinazzjonijiet oħra, dejjem fuq tul ta’ għaxar snin. Dan jissalvagwardja l-kompetittività tat-turiżmu u setturi ekonomiċi oħra ta’ dawn iż-żoni.

Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea daħlet fis-seħħ fl-2003. F’Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija u pproponiet leġiżlazzjoni ġdida li tintaxxa proċessi li joħolqu tisħin akbar fil-klima. Għalhekk, l-għan ġenerali tad-direttiva proposta huwa li toħloq allinjament bejn it-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-politiki Ewropej dwar l-enerġija u l-klima.

L-Ewroparlamentari Laburista Sant irrikonoxxa li l-miżuri proposti huma vitali fl-istrateġija għall-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima. Madanakollu, għandha tingħata attenzjoni biex dawn il-miżuri jżommu bilanċ u jkunu ġusti b’mod ġenerali mal-partijiet interessati Ewropej kollha. Sant innota li l-proposta li tiżdied taxxa fuq tul ta’ għaxar snin fuq il-fjuwil tal-pitrolju għall-ivvjaġġar bl-ajru se tapplika biss għal titjiriet ġewwa l-Unjoni Ewropea, prinċipalment vjaġġi qosra u medji. Dan se jpoġġi lill-linji tal-ajru l-kbar f’vantaġġ fuq dawk iżgħar u se jkun qed jissussidja b’mod effettiv il-linji tal-ajru Ewropej u dawk li mhux Ewropej li huma kbar ħafna.

Barra minn hekk, huwa enfasizza li r-reġjuni gżejjer, remoti u periferali se jkunu penalizzati mill-miżuri proposti fid-Direttiva Ewropea dwar it-Tassazzjoni għaliex dawn jiddependu aktar minn ħafna żoni oħra fuq l-ivvjaġġar bl-ajru biex iżommu l-ekonomiji tagħhom u l-konnettività tagħhom. Intant, appoġġjat minn Membri Parlamentari Ewropej oħra tal-ECON, Sant ressaq numru ta’ emendi għad-direttiva li jirriflettu l-punti mqajma fl-intervent tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com