Ikel tradizzjonali Malti għall-Ġimgħa l-Kbira

 Ikel tradizzjonali Malti għall-Ġimgħa l-Kbira

Tradizzjoni jew kult reliġjuż, sejjaħlu li trid. Imma għalkemm il-Malti forsi jonqos bħal kull uman ieħor fl-imġieba tiegħu matul ħajtu, jum il-Ġimgħa l-Kbira jibqa’ jum sagru għal bosta. Għalkemm f’dan il-jum, saret popolari mmens li ‘mhux kemm ma tikolx ħelu jgħodd imma kif taġixxi mal-proxxmu tiegħek’, xorta waħda dawk li jemmnu, jimxu ħafna mar-regola li r-Reliġjon Kattolika tistenna mis-segwaċi tagħha.

Il-ħelu u l-laħam m’humhiex fuq il-menù dakinhar. Ħafna huma dawk li jixtru l-Qagħaq tal-Appostli (Il-ħobż tal-Ġimgħa l-Kbira) li jissimbolizza l-ħobż li ntuża fl-aħħar ċena u jkun hemm min jew jikolha b’xejn jew jidlikha bil-butir. It-torti tal-ġbejniet bojod hija wkoll popolari. Fl-antik, kienu jduru iżjed għall-ħxejjex bħal qaqoċċ mgħolli jew bl-inċova.

Il-piżelli, indivja, spinaċi u l-patata tibqa’ wkoll ikla bażika. Sopop tal-ħut u ful li jissajjar mal-għaġin ukoll jinżel għasel f’dan il-jum. Bosta huma dawk li jevitaw il-frott għaliex dan jitqies bħala rikkezza fl-ikel. Tradizzjonalment ma jinxtorobx xorb alkoħoliku. Il-karamelli tal-ħarub jieħdu post il-ħelu kif ukoll il-kwareżimal fejn spiss jinħoloq dibattitu li dawn xorta jaqgħu mal-kategorija tal-ħelu imma huma aċċettati, għaliex għandhom it-timbru bħala ‘il-ħelu tal-Ġimgħa l-Kbira.’

Ovvjament, dan kollu huwa tradizzjoni u ma jfissirx li huwa impost jew li huwa segwit bir-reqqa. Bla dubju, kif jgħaddi dan il-jum, dlonk il-moħħ jaħseb f’xi biċċa figolla bnina kif taf toħloq il-kċina Maltija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com